L-Isqof Awżiljarju Elett Monsinjur Joe Galea Curmi żvela l-arma araldika u l-motto li se jkun qed juża bħala Isqof Awżiljarju.
L-arma araldika tal-Isqof Galea Curmi tirrappreżenta l-kunjomijiet tal-ġenituri tiegħu – Galea Curmi u Mifsud Bonnici. Bħala motto tal-episkopat tiegħu, Monsinjur Galea Curmi għażel il-frażi ‘Vitam alere caritate’ – li tfisser ‘Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba’.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kurja tal-Arċisqof intqal li l-motto hu ispirat mir-rakkont tal-Evanġelju li fih, b’umiltà kbira, Ġesù ħasel saqajn l-appostli.
Fi kliem l-Isqof Elett, il-ħajja hi sabiħa meta ngħixuha bl-imħabba, għax hi l-imħabba li tgħin lill-bniedem issib il-milja tiegħu.
L-ordinazzjoni episkopali tal-Isqof Awżiljarju l-ġdid ta’ Malta se ssir fl-4 ta’ Awwissu 2018 fil-Katidral tal-Imdina. Il-quddiesa mistennija titmexxa mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, bis-sehem tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech.
Sadanittant, tħabbar ukoll li lejliet l-Ordinazzjoni – jiġifieri l-Ġimgħa 3 ta’ Awwissu, se ssir velja ta’ talb fil-Knisja Parrokjali ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara – il-parroċċa fejn Monsinjur Galea Curmi trabba u għex. Waqt il-velja, hu mistenni li jagħmel stqarrija tal-fidi, jieħu l-ġurament tal-fedeltà waqt li jitbierku l-insinji episkopali li se jintużaw waqt l-ordinazzjoni – fosthom il-baklu, il-mitra u ċ-ċurkett.
//= $special ?>