Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo stqarr li għadu mhux deċiż jekk hux se jkun qed jikkontesta għall-President tal-MFA meta bħal dan iż-żmien sena ssir l-elezzjoni. Darmanin Demajo qal dan waqt l-indirizz tiegħu fi tmiem tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA.
Norman Darmanin Demajo xtaq li jindirizza dik li sejjaħ bħala kwistjoni personali. Hu qal li esprimew miegħu xi nies u klabbs li dejjem tawh l-appoġġ dwar x’se jagħmel is-sena li ġejja. Il-President tal-MFA qal li ħafna nies jisimgħu spekulazzjoni min-nies u oħrajn fuq il-media soċjali dwar il-futur tiegħu iżda qal “tagħtu każ ta’ xejn jekk ma tisimgħux mingħandi” u ħass li din kienet l-okkażjoni t-tajba biex jaqsam dan il-ħsieb magħhom.
Darmanin Demajo ta ħarsa ħafifa lejn il-fatti. Fl-2016 u kien preżenta ruħu bl-impenn li jagħmel terminu ieħor li kien se jkun l-aħħar wieħed għalih. “Kelli s-sapport assolut u ridtuni nagħmel terminu ieħor. Kont naf dak iż-żmien li wara li nispiċċa minn President jien, l-istabbiltà tal-MFA kienet garantita għax kien hemm nies minn ġewwa li kienu tajbin.” Hu kompla li l-affarijiet setgħu inbidlu, kif fil-verità ġara iżda hu qal li dik il-ħajja.
Il-President tal-MFA saħaq li “jien qiegħed hawn biex inkun ta’ servizz għalikom, ma għandi l-ebda raġuni noqgħod ġurnata oħra iżjed fuq dak is-siġġu.”
Hu żied li għandu responsabbiltà ta’ dak li seħħ għaliex dak kollu li jiġri taħt ħarstu hi responsabbiltà tiegħu. NDD kompla li hu jħoss li r-responsabbiltà trid tibqa’ fuq dak li nbena u se jagħmel dak kollu li jista’ biex dik tibqa’. Hu saħaq li l-fatt jibqa’ li l-kariga ta’ President mhux xogħol normali iżda xogħol li ma jispiċċa qatt.
“Għandi l-età tiegħi u d-deċiżjoni għandha ħafna piż. Ma nistax illum ngħidilkom x’se nagħmel. Id-direzzjoni għandha tkun waħda, nisma’ intom x’għandkom x’tgħidu u b’diskussjoni flimkien inkun f’pożizzjoni aħjar x’għandi nagħmel.”
Hu temm li l-aħħar tmien snin ta kull sapport li seta’, u saħaq li issa għandu bżonn gwida u assistenza mingħand dawk li tawh l-appoġġ biex jgħinuh jasal għal deċiżjoni finali.
//= $special ?>