Sebastian Vettel se jibda mill-ewwel post fil-Grand Prix tal-Ġermanja wara li għamel l-aħjar ħin fiċ-ċirkwit ta’ Hockenheim fil-provi uffiċjali. Għal Vettel din kienet il-55 pole position fil-karriera. L-isfidant dirett tiegħu Lewis Hamilton kellu ġurnata negattiva u se jkollu jibda mill-14-il post wara li sofra problema fil-hydraulic fl-ewwel parti tas-sessjoni.
Vettel irnexxielu jikseb l-aħjar ħin wara li għeleb lil sieħeb Hamilton, il-Finlandiż Valtteri Bottas b’0.204 ta’ sekonda u issa jinsab f’pożizzjoni tajba li jkabbar it-tmien punti vantaġġ li għandu fuq Hamilton fil-klassifika tas-sewwieqa. Iżda t-tieni post ta’ Bottas għandu jkun ta’ sfida għal Vettel.
Hamilton ma setax jeqleb minn gear għal ieħor u kien ordnat jieqaf fiċ-ċirkwit għaliex il-problema kienet ta’ riskju li jagħmel ħsara l-magna. Din kienet l-aħħar minn serje ta’ problemi li Hamilton u Mercedes, hekk kif irtiraw iż-żewġ karozzi fl-Awstrija filwaqt li f’Silverstone għamlu żball fl-istrateġija.
Max Verstappen tar-Red Bull se jibda mir-raba’ post wara li kien għamel l-aħjar ħin fis-sessjonijiet tal-Ġimgħa. Hu kien ottimist li t-tim tiegħu jista’ jisfida lil Mercedes u l-Ferrari. Sieħbu Daniel Ricciardo jibda mill-aħħar post minħabba penalità li ngħata wara li l-karozza kellha diversi tibdil fil-magna.
Is-sewwieqa ta’ Haas Kevin Magnussen u Romain Grosjean komplew il-forma reċenti pożittiva tat-tim tagħhom bil-ħames u s-sitt post, qabel il-koppja tar-Renault magħmula minn Nico Hulkenberg u Carlos Sainz filwaqt li Charles Leclerc tas-Sauber u Sergio Perez tal-Force India komplew l-ewwel għaxra.
//= $special ?>