Internazzjonali

Sarraj jgħid li ma jridx ċentri għall-immigranti fil-Libja

F’intervista li għamel mal-ġurnal Ġermaniż Bild, Fayez al-Sarraj, il-Kap tal-Gvern ta’ għaqda nazzjonali Libjan, qal li hu kien iwarrab totalment il-pjan tal-Unjoni Ewropea li jkun hemm ċentri għall-immigranti illegali fil-Libja. Dan fi sforż li jitrażżnu l-vjaġġi bil-baħar lejn l-Ewropa.
Hu qal li l-Libja diġà kellha biżżejjed immigranti illegali u ma riditx aktar.
Sarraj qal li minflok il-mexxejja Ewropei kellhom jikkonċentraw fuq il-pajjiżi fejn twieldu l-immigranti għaliex dan kien is-sors tal-problema u għalhekk kellha ssir ħidma fihom biex qatt ma jitilqu lejn l-Ewropa.
Hun qal li ta’ kuljum il-Libja ssalva mijiet ta’ immigranti li jkunu bdew il-vjaġġ bil-baħar, imma l-Libja tħalliet waħedha biex tagħmel dan u kellha bżonn aktar appoġġ tekniku u finanzjarju.