“Naċċettaw ir-riżultat tal-inkjesta, għaliex kellna u għad għandna fiduċja fl-isituzzjonijiet tal-ġustizzja. Madanakollu, nitolbu biex ir-rapport tal-inkjesta jiġi ppubblikat fl-intier tiegħu”, kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet f’reazzjoni għall-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant mill-Maġistrat Aaron Bugeja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied li minkejja li dan ir-rapport jeżonera lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-mara tiegħu mill-allegazzjonijiet li kellhom kont mal-bank Pilatus, dan l-istess rapport ta’ inkjesta jaqbad fil-fatt iswed fuq l-abjad li dawk ta’ madwar il-Prim Ministru għandhom kumpaniji moħbija fil-Panama.
Adrian Delia stqarr li din l-allegazzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-mara tiegħu, il-Partit Nazzjonalista għamilha tiegħu fl-aħħar elezzjoni – u għalhekk issa l-istess Partit Nazzjonalista jaraf li trid tintrefa’ responsabbilta’.
Issa, Adrian Delia se jassumi temporanjament id-dekasteru ta’ Shadow Minister għall-Governanza Tajba hu minflok Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia temm il-konferenza tal-aħbarijiet billi stqarr li ħadd mhu akbar mill-Partit, ħadd mhux akbar mill-verità, u ħadd mhu akbar minn pajjiżna.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, preżenti wkoll kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.
F’reazzjoni fuq Facebook, id-deputat Simon Bustuttil iddikjara li mhux se jkun qed jirrezenja.
//= $special ?>