Esponenti ewlenin fil-kamp finanzjarju li għandhom esperjenza twila fis-settur bankarju u li ilhom isegwu b’reqqa dak li ġara mill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) b’rabta mal-iskorrettezzi fil-Pilatus Bank, iddikjaraw mal-gazzetta il-mument li r-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) wasal għal konklużjonijiet naturali b’riżultat tal-fatt li l-FIAU ma ħadmitx kif kien mistenni u mitlub minnha.
Dawn l-esponenti li tkellmu ma’ il-mument, bil-kundizzjoni tal-kunfidenzjalità, tennew li huma kienu ilhom ix-xhur li tkellmu b’mod ċar dwar il-fatt li l-kollegi tagħhom fl-FIAU ma kinux qed jitħallew jaħdmu b’mod ħieles u kif mistenni u kif dawn l-uffiċjali serji kien ikollhom pressjoni kbira minn Kastilja biex fir-rigward tal-Pilatus Bank iżommu ’l bogħod u jaħdmu b’kawtela.
Jirriżulta, żiedu josservaw, li filwaqt li l-FIAU kellha reputazzjoni mill-aqwa għall-mod kif kienet tinvestiga u taħdem fil-konfront ta’ kull entità finanzjarja u fil-konfront ta’ kull applikazzjoni ta’ bank, fir-rigward tal-Pilatus Bank saru ħafna nuqqasijiet.
Mistoqsija dwar ir-rapport innifsu maħruġ mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), dawk li tkellmu ma’ il-mument enfasizzaw li min jaqra fid-dettall dan ir-rapport żgur li jikwieta għaliex jifhem li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna fl-aħħar snin ġarrbet danni kbar u llum isem pajjiżna sar ċajta.
Il-bankiera u l-esponenti fis-settur finanzjarju li tkellmu ma’ il-mument qalulna li huma kienu jistennew li f’ġieħ il-korrettezza politika, il-Ministru Edward Scicluna kien jirriżenja.
Dwar dawn l-iżviluppi u r-reazzjoni tal-Ministru Edward Scicluna, tkellem ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li enfasizza li l-Ministru Scicluna ma kellu l-ebda triq oħra ħlief li jirriżenja għax kull ġurnata li tgħaddi qed iħammar wiċċ Malta u jipperikola l-postijiet tax-xogħol fis-settur tas-servizzi finanzjarji.
L-investigazzjoni uffiċjali mill-Awtorità Bankarja Ewropea kienet infetħet fit-23 ta’ Mejju li għadda, bil-Financial Intelligence Analysis Unit tibqa’ tinsisti li m’għamlet xejn ħażin u li kellha s-sistemi kollha f’posthom.
Issa li l-Awtorità Bankarja Ewropea lestiet ir-rapport tagħha, minnu wieħed jista’ jislet għadd ta’ konklużjonijiet, fosthom li l-Awtorità Bankarja Ewropea sabet numru ta’ nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi fil-mod kif il-Financial Intelligence Analysis Unit applikat il-Liġi tal-Unjoni Ewropea.
Aktar fil-gazzetta il-mument
//= $special ?>