Sport Waterpolo

In-nuqqas ta’ man-ups skorjati determinanti fit-telfa kontra s-Slovakkja

Ladislav Vidumansky jipprova jimblokka xutt ta' Matthew Zammit

It-tim Malti se jkun qed jissielet għall-15-il post miksub sentejn ilu meta spiċċa megħlub mis-Slovakkja 11-6. Prestazzjoni li ma kinitx l-aqwa waħda tat-tim Malti hekk kif l-għajja tidher li bdiet tidħol ftit ftit, filwaqt li fis-centre t-tim Malti ftit kien effettiv.

Aħbar oħra ħażina għat-tim Malti kienet li weġġa’ l-gowlkiper Nicholas Grixti, filwaqt li kien hemm in-nuqqas ta’ Dino Zammit, biex il-kowċ Karl Izzo kellu plejer anqas x’juża. Inċidentalment il-gowlkiper sostitut Jake Tanti kien fost l-aqwa fit-tim, bil-gowlkiper avversarju wkoll jiddistingwi ruħu.

Diżappunt ukoll fis-sitwazzjonijiet tal-man-ups b’żewġ gowls biss skorjati minn total ta’ 10. Malta tilgħab it-Tlieta li ġej kontra t-Turkija fl-10.30am, bir-rebbieħ jispiċċa fil-15-il post.

Lukas Durik fetaħ l-iskor wara li għaddiet aktar min-nofs is-sessjoni. Tomas Bielik irdoppja kważi minuta wara b’xutt minn pożizzjoni ċentrali. Reazzjoni doppja mit-tim Malti hekk kif wara li Ben Plumpton skorja għat-tim Malti, Durik għamilhom 3-1 ukoll minn man-up, madankollu Stevie Camilleri naqqas id-distakk b’xutt mill-ħames metri.

Is-Slovakkja kompliet tkabbar id-distakk għal tliet gowls b’żewġ gowls fi ftit sekondi lejn nofs it-tieni sessjoni. Jeremy Abela naqqas id-distakk meta kompla għal ġewwa mill-viċin wara passaġġ ta’ Aurelien Cousin, iżda xutt tajjeb ta’ Martin Kolarik ftit wara u gowl lejn it-tmiem ta’ Samuel Balaz assiguraw li s-Slovakkja tidħol tistrieħ 7-3 minn fuq.

Kolarik skorja t-tmien gowl Slovakk lejn nofs it-tielet sessjoni, sakemm Matthew Zammit u Aurelien Cousin minn man-up taw tama ġdida lit-tim Malti bi ftit aktar minn tliet minuti għal tmiem it-tielet sessjoni. Marcos Tkac għamel l-iskor 9-5 iżda man-up skorjat minn Matthew Zammit 45 sekonda mit-tmiem tat-tielet sessjoni ħalla lit-tim Malti jittama.

Din it-tama sfaxxat wara li Kolarik skorja minn penalty fil-bidu tal-aħħar sessjoni. It-tim Malti prova jnaqqas id-distakk iżda minbarra żbalji tat-tim, Hoferica ddistingwa ruħu wkoll. Juraj Zatovic ssiġilla r-rebħa tliet minuti mit-tmiem.