L-uffiċju tal-Avukat Ġenerali ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta li kien qed jagħmel il-Maġistrat Aaron Bugeja.
Fil-konklużjoni jingħad li ma nstabx li l-ishma fil-kumpanija Egrant kienu jappartjenu lil Michelle Muscat jew li kienu rikonduċibli lilha jew lil żewġha, il-Prim Ministru Joseph Muscat jew lil membri tal-familja tagħhom.
L-inkjesta tgħid ukoll li mill-provi miġbura kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, eżaminati anke minn esperti tekniċi u mill-Maġistrat Inkwirenti, lanqas ma nstab li Joseph Muscat, Michelle Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi jew John Dalli setgħu kienu involtu f’korruzzjoni jew ħasil ta’ flus jew transazzjonijiet finanzjarji suspetti provenjenti minn kontijiet ta’ politically-exposed persons mill-Ażerbajġan tramite xi kontijiet bankarji fil-Pilatus Bank.
L-inkjesta tagħmel referenza wkoll għal numru ta’ artikli li nkitbu minn Daphne Caruana Galizia fosthom artiklu dwar declarations of trust ġo safe f’Pilatus Bank u artiklu ieħor dwar miljun dollaru amerikan li allegatament għaddew mill-Ażerbajġan għall-kumpanija Egrant. Dwar dan, il-Maġistrat Aaron Bugeja qal li ma nstabx li seħħew atti ta’ korruzzjoni jew ħasil ta flus skont kif allegat f’dawn l-artikli.
Sadanittant, f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-PM Joseph Muscat qal li ngħata l-parir biex ma tiġi ippubblikata l-inkjesta kollha minħabba xi dettalji sensittivi u personali ta’ nies intervistati. Madanakollu, qed jieħu pariri biex ikun jista’ jippubblikha fl-intier tagħha.
//= $special ?>