Internazzjonali

Is-Sirja: L-Iżraeljani jevakwaw voluntiera mal-grupp tal-‘Elmi l-Bojod’

Iżrael ħa ħsieb l-evakwazzjoni ta’ membri tal-grupp tal-‘Elmi l-Bojod’ – li jiffunzjona bħala organizzazzjoni tad-difiża ċivili – minn zona ta’ gwerra, fil-Lbiċ tas-Sirja.

Madwar 422 persuna – kalkulati li kienu mal-100 voluntiera u qrabathom — kienu trasferiti mill-Għoljiet tal-Ġordan ( okkupati mill-Iżraeljani) lejn il-Ġordan, bir-Renju Unit qed jimpenja ruħu biex jgħin bir-rilokazzjoni ta’ dawn il-voluntiera.

Il-grupp tal-‘Elmi l-Bojod’ ifisser lilu nnifsu bħala entità ta’ voluntiera li qed jistinkaw biex isalvaw lin-nies miz-zoni tal-gwerra fis-Sirja.

Sadanittant, is-sostenituri tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, qed jakkużaw lil tal-Elmi l-Bojod b’li qed jagħtu appoġġ lir-ribelli ta’ kontra Assad u fejn qed jgħidu wkoll li l-voluntiera ‘għandhom ir-rabtiet mal-gruppi tal-ġiħadisti Iżlamiċi’.

Il-qawwiet tad-difiża Iżraeljani qalu li intervjenew biex isalvaw lill-voluntiera ‘fuq it-talba tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit u pajjiżi oħra tal-Ewropa’.

Il-membri tal-‘Elmi l-Bojod’ kienu spiċċaw iżolati f’zona lejn il-Lbiċ tas-Sirja ( qrib il-fruntiera mal-Golan) wara offensiva mill-militar ta’ Assad. L-offensiva, li bdiet f’Ġunju, wasslet ukoll għal diversi arranġamenti li rriżultaw fl-evakwazzjoni ta’ ribelli mill-inħawi ta’ Deraa u Quneitra, b’dawn jispiċċaw ittrasferiti għal reġjoni fit-Tramuntana tas-Sirja.

Sadanittant, il-membri tal-organizzazzjoni tal-‘Elmi l-Bojod’ qegħdin jaħdmu biss fl-inħawi tas-Sirja fejn hemm il-preżenza tar-ribelli; bil-kelliema għall-grupp jinsistu ‘li mhumiex qed jappoġġjaw lil naħa kontra l-oħra fil-konflitt’.

Għalkemm il-pjan kien għall-evakwazzjoni ta’ 800 membru tal-‘Elmi l-Bojod’, ir-rapporti qalu li kienu waslu ‘biss’ 422 persuna fit-territorji Ġordaniżi. Jidher ukoll li l-membri l-oħra tal-organizzazzjoni baqgħu iżolati fit-territorji tas-Sirja wara li l-militanti tal-ISIS okkupaw diversi zoni lejn il-Lbiċ tas-Sirja. Dan fost l-inkwiet dwar id-destin tal-voluntiera ‘li tħallew fl-inħawi partikulari’.

Għalkemm Iżrael mhux direttament involut fil-konflitt tas-Sirja, iż-żewġ pajjiżi ilhom fi stat ta’ gwerra għal għexieren ta’ snin. Intant, il-Qawwa tad-Difiża Iżraeljana qalet li Iżrael, minkejja l-intervent, se jkompli bil-politika li ma jintervjenix fil-konflitt Sirjan.