Aggressuri armati f’dan il-pajjiż qatlu 11-il xufier tat-taxi waqt attakk premeditat li sar meta x-xufiera kienu qed jirritornaw, b’minibus, mill-funeral ta’ kollega tagħhom fir-reġjun ta’ Kwa-Zulu Natal.
L-attakk seħħ meta l-vittmi, residenti fil-provinċja ta’ Gauteng, kienu qed jivvjaġġaw lejn Johannesburg, u fejn il-minibus spiċċa mira tal-aggressuri li fetħu n-nar għal fuqu.
Fl-attakk indarbu anki erba’ persuni li jinsabu l-isptar f’sitwazzjoni kritika.
L-iskop wara l-attakk premeditat ma kienx għal kollox ċar, għalkemm teżisti rivalità taħraq u perikoluża bejn il-gruppi li qed jużaw il-minibuses biex jaħdmu fuq ir-rotot tat-taxi fl-Afrika t’Isfel.
Din lanqas mhi l-ewwel darba li seħħew inċidenti vjolenti bejn il-gruppi, meta l-minibus-taxis huma l-aktar forma ta’ trasport popolari fost il-popolazzjoni ta’ 55 miljuni fl-Afrika t’Isfel.
Kelliema għall-Pulizija qalu li l-minibus bix-xufiera tat-taxi spiċċa attakkat f’inħawi bejn l-ibliet ta’ Colenso u Weenen.
Dan fost indikazzjonijiet li l-attakk ibbaża fuq ‘pjan u strateġija dettaljati’, bil-pulizija qed jinvestigaw l-identitajiet tal-qattiela, huma u jirrikonoxxu ‘il-ħafna każi ta’ vjolenza marbuta mat-taxis f’dik iz-zona’.
//= $special ?>

