Lokali

L-Amministrattiv tal-PN b’appoġġ sħiħ lill-Kap tal-PN Adrian Delia

Mozzjoni li ġiet approvata b'mod unanimu mill-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.

Permezz ta’ stqarrija l-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista mlaqqa’ illum it-22 ta’ Lulju 2018 qal li jinnota li:

1. Wara l-20 ta’ April tal-2017 ġiet miftuħa inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja li ntalbet tistabilixxi numru ta’ fatti wara l-allegazzjoni li saret mill-bloggerDaphne Caruana Galizia illi s-Sinjura Michelle Muscat hija l-UBO ta’ Egrant Inc; u li l-Prim Ministru jew membri tal-familja tiegħu jew politically exposed personsoħra setgħu kienu nvoluti f’xi forma ta’ korruzzjoni, u/jew ħasil ta’ flus, u/jew tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi, provenjenti minn kontijiet ta’ PEPs mill-Azerbajġan, u dan tramitekontijiet fil-Pilatus Bank.

2. Illum ġiet ppubblikata l-konklużjoni mill-inkjesta Maġisterjali mingħajr ma’ ġie ippubblikat r-rapport tal-inkjesta fl-interità tiegħu kif jitlob l-interess nazzjonali.

3. L-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja teżonara lill-Prim Ministru u l-familja tiegħu mill-akkuża li huma sidien tal-kumpanija sigrieta Egrant fil-Panama.

4. Din l-inkjesta iżda ma’ teżonorax l-eqreb nies tal-Prim Ministru, primarjament l-eks Viċi Kap tal-Partit Laburista u Ministru ewlieni tal-Gvern Konrad Mizzi u ċ-chief u stafftiegħu Keith Schembri mill-fatt li nqabdu li fetħu kumpaniji moħbija fil-Panama, Hearnville u Tillgate waqt li kienu fil-kariga pubblika mogħtija lilhom mill-Prim Ministru.

5. Il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista llum stess u b’fiduċja sħiħa fl-istituzzjoni tal-Qorti aċċetta l-konklużjoni tal-inkjesta maġisterjali.

6. Il-Kap tal-Oppozizzjoni llum stess u kif inhu dmiru talab li tinġarr responsabbilità politika.

7. Il-ġlieda għall-verità tal-fatti u l-ġlieda kontra l-korruzjoni u favur il-governanza tajba jibqgħu ma’ oħrajn prinċipji ewlenin tal-Partit Nazzjonalista fil-kollettività tiegħu u mhux ta’ xi individwu jew ieħor.

8. Il-kredibbilità tal-partit f’din il-ġlieda trid tibqa’ mhux minsusa u l-effettività ta’ din l-ġlieda trid tibqa’ mingħajr xkiel.
Għalhekk l-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista mlaqqa’ llum it-22 ta’ Lulju 2018 jirrisolvi li:

1. Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Kap tal-Partit biex iwettaq bl-aktar mod effettiv din il-ġlieda kontra l-korruzzjoni daqstant importanti għal pajjiżna.

2. Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Kap tal-Partit u lis-sejħa tiegħu biex tinġarr ir-responsabbilità politika.

3. Isejjaħ lid-Deputat Simon Busuttil biex fl-aħjar interess tal-governanza t-tajba, l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-għaqda tal-partit isegwi l-linja meħuda aktar kmieni mill-Kap tal-Partit u jappellalu jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari sabiex iħalli l-partit jiġġieled il-ġlidiet tiegħu bl-aktar mod effettiv.

4. Ħadd mhu akbar mill-partit. Ħadd mhu akbar mill-verità. Ħadd mhu akbar mill-pajjiż.

5. La l-Prim Ministru jaf li la t-tnejn min-nies viċin tiegħu Keith Schembri u Konrad Mizzi ma’ rriżenjawx minn jheddhom huwa għad għandu r-responsabbilità politika li jwarrabhom hu jew inkella jerfa’ r-responsabbilità politika hu stess.

Il-mozzjoni ġiet approvata b’mod unanimu mill-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.