Internazzjonali

L-Istati Uniti: Arrestat wara assedju fuq supermarket

Il-pulizija fil-belt ta’ Los Angeles arrestat raġel armat li kien ingħalaq f’supermarket għal sigħat flimkien ma’ 40 persuna oħra li spiċċaw f’sitwazzjoni perikoluża kontra l-volontà tagħhom.

Is-suspettat, maż-żmien, ċeda ruħu lill-pulizija wara negozjati fit-tul u mingħajr ma offra reżistenza. Dan sar possibbli wara stat ta’ assedju madwar l-istabbiliment fejn ir-raġel – ta’ nisel Afrikan — kien dam tliet sigħat jisfida lill-pulizija.

Intant, ir-rapporti rreferew ukoll għall-qtil ta’ mara ‘mis-suspettat’ ġewwa s-supermarket, meta l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Uħud min-nies li kienu fis-supermarket anki spiċċaw jaqbżu mit-twieqi, fi stat kbir ta’ paniku, waqt l-eqqel tad-drama.

Aktar qabel ir-raġel arrestat kien spara diversi tiri lejn il-pulizija li bdew isuqu wara l-karozza tiegħu, bl-istess aggressur jispiċċa jikkraxxja bil-karozza qabel daħal jiġri għal ġos-supermarket.

Il-pulizija bdew isegwu lil dan ir-raġel wara li hu kien fetaħ in-nar għal fuq żewġ nisa. Ir-rapporti, aktar tard, qalu li l-aggressur kien spara diversi drabi fuq in-nanna tiegħu qabel ħadilha l-karozza, u li din il-mara kienet tinsab f’kundizzjoni kritika.