Fir-reazzjoni tiegħu iċ-chairman eżekuttiv ta’ Media.link communications Pierre Portelli qal li jemmen u jaċċetta l-konklużjonijiet tal-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkjesta Egrant Inc. bħala l-konklużjoni ta’ inkjesta li saret bl-akbar serjeta u dettall.
Pierre Portelli qal li għandu kull fiduċja fil-Maġistrat Bugeja u fl-inkjesta li mexxa bħalma dejjem kellu mill-bidu nett tagħha tant li resaq minn jeddu biex għadda kull informazzjoni li waslet għandu fil-funzjoni tiegħu ta’ Direttur Editorjali ta’ ġurnal indipendenti.
Pierre Portelli qal li kienet għażla tiegħu li meta ngħataw lilu żewġ dokumenti li allegatament juru ta’ min hi l-kumpannija Egrant Inc. għaddihom lill-Maġistrat Bugeja biex jinvestigahom bir-riżorsi li ngħataw lilu.
Hu fakkar li qatt ma ppublika dawn id-dokumenti u qatt ma wriehom lil ħadd għajr lill-Maġistrat Aaron Bugeja. Fil-fatt, dakinhar li mar jgħaddi d-dokumenti lill-Maġistrat Bugeja talbu biex ikellmu waħdu ħalli l-istess dokumenti li ngħataw lil Pierre Portelli jgħaddu għand il-maġistrat biss sabiex jivverifikahom.
Pierre Portelli tenna li jibqa’ dejjem għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet biex jikkopera, kif dejjem għamel għat-tfittix tal-veritá.
//= $special ?>