Il-Konsulent Legali ta’ Kastilja Robert Abela li għandu wkoll pretensjonijiet għat-Tmexxija tal-Partit Laburista u tal-Gvern, kif ukoll l-eks-Ministru Edward Zammit Lewis li hu wkoll ‘ħabib’ ta’ Joseph Muscat, irrankaw l-isforzi tagħhom fid-dawl tal-inkompetenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia fid-dawl tal-falliment tal-Gvern milli jġib lejn Malta pakkett finanzjarju aħjar fin-negozjati għall-perjodu 2021 u l-2027. Żvelat dan il-gazzetta il-mument.
Kastilja u oħrajn viċin qed jgħabbu lis-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia bil-falliment ta’ pakkett finanzjarju aħjar għal Malta.
Il-mument irrapportat li filwaqt li tkompli l-kampanja sottili biex il-Prim Ministru jagħmel taqliba fil-Kabinett tal-Ministri biex min mhux isarraf f’xogħol jitwarrab, hemm il-Konsulent Legali Robert Abela u l-eks-Ministru Edward Zammit Lewis li huma fuq quddiemnett biex jieħdu post fil-Kabinett.
Il-mument qalet li dan id-diskors ilu jingħad u issa, invista tal-iżviluppi li qed jinħarġu dwar il-falliment ta’ Aaron Farrugia fin-negozjati għal pakkett finanzjarju aħjar għal Malta, hemm min qed jimbotta l-idea li dan għandu jitwarrab minn portafoll daqstant importanti biex postu jeħduh jew Robert Abela jew inkella Edward Zammit Lewis fir-rwol ta’ Ministru u mhux ta’ Segretarju Parlamentari.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li Joseph Muscat attwalment għandu l-opportunità li jagħti promozzjoni kemm lil Robert Abela u anki lil Edward Zammit Lewis. Lil Robert Abela fil-kariga ta’ Ministru għall-Fondi Ewropej u hekk id-dekasteru tal-Fondi Ewropej ma jibqax jaqa’ taħt il-Ministru Helena Dalli, u lil Zammit Lewis bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin invista tal-iskandlu tal-Ministru Carmelo Abela meta ħaddiema tal-Gvern tqabbdu jagħmlu xogħlijiet infrastrutturali fir-residenza privata tiegħu.
Bla dubju ta’ xejn li n-negozjati tal-Gvern Malti mal-Unjoni Ewropea dwar il-pakkett finanzjarju li jmiss ma humiex mexjin fid-direzzjoni tax-xewqa tal-Gvern bir-riżultat li kollox jindika li għall-perjodu 2021 u 2027 Malta se tkun qed tieħu mat-€300 miljun anqas f’fondi għaliha.
Aktar fil-gazzetta il-mument
//= $special ?>