Internazzjonali

Skandlu ġdid dwar is-sigurtà tat-tilqim fiċ-Ċina

Skandlu ġdid dwar il-mezzi ta’ tilqim difettużi għal kontra l-mard fiċ-Ċina qed iqajjem għadab kbir fuq il-media soċjali f’dak il-pajjiż. Is-sitwazzjoni enfasizzat id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw ir-regolaturi lokali biex ikattru l-fiduċja wara snin ta’ twissijiet dwar ‘intoppi’ fil-ħarsien tas-sigurtà tal-ikel u l-mediċina.

L-iskandlu hu daqqa ta’ ħarta għall-isforzi ta’ Beijing biex jippromwovi t-tilqim prodott lokalment – bl-impatt jinħass ukoll mir-regolatur tal-mediċina fiċ-Ċina li jrid jikkontrolla l-problemi li affettwaw lit-tieni l-akbar industrija tal-mediċina fid-dinja.

L-inkwiet tal-ġenituri – li qed jippruvaw jaċċertaw jekk uliedhom ingħatawx tilqim diffettuż – wassal biex is-suġġett isir l-aktar ‘segwit’ fuq is-sit ta’ Weibo għall-media soċjali. Ħafna mill-messaġġi fiċ-ċirkolazzjoni qed jindikaw, fost oħrajn, li ‘l-Istat mhux jipproteġi liċ-ċittadini’ u li ‘se jonqsu n-nies – u t-tfal – mill-programmi tat-tilqim’.

L-iskandlu feġġ jiem ilu, wara li produttur tat-tilqim, Changsheng Biotechnology Co, instab li kien abbuża l-kriterji għall-produzzjoni tat-tilqim (għan-nies) kontra r-rabies.

Ir-regolatur kien ħareġ direttiva biex din il-kumpannija twaqqaf il-produzzjoni u tirtira t-tilqim kollu, iżda mbagħad ħarġet l-aħbar li l-kumpannija spiċċat immultata dwar ‘il-produzzjoni tat-tilqim għal kontra d-difterja u t-tetanu li ma kienx tal-livell mixtieq’ u wara li n-nuqqas kien ġie żvelat fl-2017.