Kollezzjoni ta’ numismatika fil-forma ta’ muniti ta’ ewro nsterqet minn appartament fil-Mellieħa u sal-lum din is-serqa kbira nżammet mistura mill-Pulizija. Hu maħsub li l-kollezzjoni misruqa tammonta għal għexieren ta’ eluf ta’ ewro u hi waħda rari ħafna minħabba li ilha tinġabar bosta snin. Din l-istorja ġiet żvelata fil-gazzetta il-mument.
Ħalliel jew ħallelin irnexxielhom ifasslu pjan preċiż biex fin-nuqqas tar-residenti jidħlu f’dan l-appartament u minnu jisirqu din il-kollezzjoni partikulari… u xi ġojjellerija. Dan ifisser li l-ħalliel jew ħallelin kienu ilhom xi jiem jistudjaw il-movimenti tar-residenti f’dan l-appartamenti sakemm b’xi mod irnexxielhom jidħlu fl-appartament.
Kolletturi ta’ din it-tip ta’ numismatika jsostnu li minħabba li ċerti muniti huma rari u għandhom valur sostanzjali, allura kollezzjoni bħal din li tkun ilha tinġabar ħafna snin, tkun tiswa’ l-belli liri. Is-sid ta’ din il-kollezzjoni hu isem familjari fis-sens li hu magħruf li hu kollettur tan-numismatika f’termini ta’ muniti ewro.
Minn tagħrif li rnexxielu jikseb il-mument jirriżulta li kienu r-residenti ta’ dan l-appartament li ndunaw b’dak li kien ġara. Fi ftit sekondi sar magħruf fosthom li kienet għebet il-kollezzjoni li kienet tikkonsisti f’pouches trasparenti bil-muniti ewro skont il-pajjiż minn fejn ikunu oriġinaw. Il-kollezzjoni kien fiha għadd sabiħ ħafna ta’ muniti, fosthom ta’ one-offs prezzjużi maħruġa minn pajjiżi biex jikkommemoraw okkażjonijiet partikulari.
Appena saret magħrufa din is-serqa, is-sidien infurmaw lill-Pulizija. Jidher li l-istħarriġ tal-Pulizija qed isir bl-għajnuna wkoll ta’ membri tal-Forensika li mill-post tar-reat elevaw għadd ta’ oġġetti li jistgħu jgħinu fl-istħarriġ.
Fost l-oħrajn kien elevat nuċċali tax-xemx li ntbagħat fil-laboratorju biex minnu jittieħdu xi kampjuni tad-DNA biex hekk il-Pulizija possibilment ikollha aktar informazzjoni dwar min seta’ wettaq dan ir-reat ippjanat u serju.
Mhux magħruf kif il-Pulizija, issa li għaddew bosta jiem minn din is-serqa, baqgħu jżommu kollox mistur. Madankollu dwar l-istess każ serju kienet skattata Inkjesta Maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Monica Vella. Min-naħa tagħha l-Maġistrat tal-Għassa ħatret għadd ta’ esperti biex jgħinuha f’din l-inkjesta, fosthom espert tan-numismatika.
//= $special ?>