Lokali

Adrian Delia jikteb lill-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta li temm il-Maġistrat Aaron Bugeja

Filwaqt li l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista għandu kopja sħiħ tal-atti tal-inkjesta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia m'għandux kopja sħiħa

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kiteb uffiċjalment lill-Avukat Ġenerali Peter Grech fejn talab li jingħata kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta li ġiet konkluża mill-Maġistrat Aaron Bugeja.

Fi stqarrija, il-PN fakkar illi l-Avukat Ġenerali laqa’ t-talba li saritlu mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex bħala l-persuna li kienet għamlet it-talba biex issir l-inkjesta jkollu kopja tar-rapport. Għalhekk qegħdin f’sitwazzjoni fejn filwaqt li l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista għandu kopja sħiħ tal-atti tal-inkjesta, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia m’għandux kopja sħiħa. Din is-sitwazzjoni toħloq żbilanċ politiku favur il-Gvern, li qed jieħu vantaġġ minnha u qed tpoġġi lill-Oppożizzjoni fi żvantaġġ.

Għaldaqstant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jistenna li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma jkunx parteċipi f’dan l-iżbilanċ u jgħaddi minnufih kopja sħiħa lill-Oppożizzjoni tal-atti tal-inkjesta li kkonkluda l-Maġistrat Aaron Bugeja.