Erba’ Żvediżi sfaw feruti serjament waqt ġlieda kbira f’Tas Sliema. Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-7:45pm, meta ntalbet l-assistenza barra ħanut tax-xorb li hemm fi Triq ix-Xatt f’Tas-Sliema.
Minn informazzjoni li tgħati l-pulizija lil din il-midja, fil-ġlieda kien hemm numru kbir ta’ nies involuti. Jidher li fost dawk involuti kien hemm erba’ Żvediżi, 3 irġiel u mara, residenti Ħal Qormi. L-etajiet tal-irġiel huma ta’ 26, 27 u 29 sena filwaqt li l-mara għandha 48 sena.
Fil-post marru żewġ ambulanzi u erba’ vetturi tal-RIU li sabu tliet persuni feruti. Hu mifhum li fil-ġlieda ntużaw fliexken tal-ħġieġ, u l-każ ħoloq kommossjoni kbira fiż-żona.
L-Erba’ Żvediżi ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura, bl-irġiel ġew iċċeritifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-mara qed issofri minn ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fetħet Inkjesta Maġisterjali rigward dan il-każ.
//= $special ?>