Lokali

DELITT DOPPJU: Joqtol lil ommu u lil zitu

L-ewwel każ tax-xorta tiegħu din is-sena

Ġlieda kbira waqt argument ta’ natura domestika wasslet għall-qtil ta’ żewġ nisa – mara ta’ 74 sena u mara oħra ta’ 71 sena.

Il-każ seħħ qabel is-6.30 ta’ filgħodu fi Triq Fidiel Zarb il-Għargħur.

Ir-raġel suspettat bil-qtil u l-feriment tan-nisa huwa raġel ta’ 42 sena mill-Għargħur stess u bħalissa qed jinżamm mill-Pulizija għall-iktar stħarriġ wara li ġie arrestat.

Il-qtil seħħ f’dar fil-Għargħur u ż-żewġ vittmi nstabu feruti fil-kamra tal-bejt tal-istess residenza. Il-mara ta’ 74 sena kienet toqgħod il-Mosta, filwaqt li l-mara l-oħra li toqgħod il-Għargħur mietet ftit wara fl-Isptar Mater Dei.

Il-mara li mietet fil-post hi z-zija tal-aggressur, filwaqt li l-mara li mietet l-Isptar hi omm l-aggressur.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-aggressur agredixxa liż-żewġ nisa permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta. Filwaqt li z-zija tal-agressur ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post, ommu ttieħdet l-isptar Mater Dei b’ambulanza fejn hemmhekk kienet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Hi mietet ftit qabel nofsinhar.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha biex tiġi stabbilita d-dinamika tal-każ.

Ritratt: Martin Agius

Novembru 2017

L-aħħar delitt doppju seħħ f’Ħ’Attard fis-17 ta’ Novembru tas-sena l-oħra meta fi sparatura kien inqatel Lino Mangion. U erba’ xhur wara kien miet Raymond Grima, it-tapizzar li kien fil-mira ta’ din l-isparatura. Huma kienu ntlaqtu minn 3 balal kull wieħed.

Lulju 2013

Delitt doppju ieħor seħħ f’pajjiżna 5 snin ilu, fejn fil-Qajjenza kienu nstabu l-katavri ta’ Mario Camilleri, magħruf bħala l-Imnieħru, u ibnu. Din is-sejba kienet saret fit-18 ta’ Lulju tal-2013.