Hemm għadab , l-aktar fost gruppi umanitarji, għall-pożizzjoni li adotta l-Gvern Ingliż fil-konfront ta’ żewġ membri Ingliżi tal-ISIS li aktarx ikollhom jiffaċċjaw il-ġustizzja fl-Istati Uniti. Dan wara li l-Gvern ta’ Londra mhux qed jinsisti għall-garanziji li huma ma jingħatawx il-piena kapitali f’każ li jinstabu ħatja dwar numru ta’ reati.
Il-ġiħadisti inkwistjoni, li jisimhom Alexanda Kotey u Shafee El-Sheikh (ritratt), kellhom ċittadinanza Britannika meta taw il-kontribut qattiel tagħhom bħala membri tal-ISIS. Dawn kienu jiffurmaw parti minn grupp imlaqqam ‘The Beatles’ minħabba l-konnessjoni Britannika tal-militanti fi ħdanu.
Ittra li bagħat il-Ministru tal-Intern Britanniku, Sajid Javid, lill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Jeff Sessions, tgħid li r-Renju Unit ‘mhux se jinsisti għal garanziji’ li ż-żewġ terroristi ma jiffaċċjawx il-piena tal-mewt f’każ ta’ kundanna.
Dan imur kontra l-politika preċedenti tar-Renju Unit għal sitwazzjonijiet bħal dawn u Javid spjega li d-deċiżjoni partikulari tar-Renju Unit f’dan il-każ ma tirriflettix bidla fil-politika ta’ pajjiżu għall-każi tal-piena kapitali fl-Istati Uniti. Fl-istess ħin, il-Gvern Britanniku għadu favur it-tneħħija tal-piena tal-mewt fuq livell globali.
Sadattant, l-ittra tal-Ministru Javid tindika l-inkwiet tiegħu li l-liġijiet tar-Renju Unit jistgħu ma jkunux biżżejjed għall-proċess xieraq tat-terroristi. L-ittra turi wkoll li hu jaċċetta li l-liġijiet tal-Istati Uniti fil-konfront tat-terroriżmu se jkunu ‘aktar effettivi’ fir-rigward tal-imputati, Kotey u El-Sheikh.
Għadab wara li l-Gvern ta’ Londra abbanduna l-oppożizzjoni għall-piena tal-mewt


