Dalgħodu, fil-Palazz ta’ San Anton, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ppresediet it-tnedija ta’ The National Food Drive, inizjattiva konġunta bejn Green Skip Services Ltd u l-Malta Community Chest Fund Foundation bil-kollaborazzjoni ta’ għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi.
Ser jibdew jitpoġġew kaxex fis-supermarkets fejn in-nies ser tkun tista’ tagħti donazzjoni ta’ ikel. Dan l-ikel se jkun qed jitqassam lil għadd ta’ għaqdiet li jqassmu l-ikel lil dawk li huma fil-bżonn.
Għall-bidu ta’ din l-inizjattiva, ser ikun hemm sittax-il food donation box fis-supermarkets ewlenin, iżda l-pjan huwa li jkun hemm aktar kaxxi, f’aktar supermarkets. Il-President inkoraġġiet lil aktar supermarkets biex jersqu ‘l quddiem sabiex huma wkoll joffru l-għajnuna tagħhom, filwaqt li appellat biex jekk hemm xi għaqdiet oħrajn li jixtiequ jkunu parti minn din l-inizjattiva dawn jagħmlu kuntatt mal-Malta Community Chest Fund Foundation.
Il-Food Donation Boxes ser jkunu ġewwa Smart Supermarket, PAVI, PAMA, LiDL Malta, Gala, Chain Supermarket Fgura, Carters Supermarket, Valyou Mellieħa, Valyou Naxxar, Scotts Supermarkets, Park Towers City, Park Towers Gourmet, Tower Supermarket u Greens Supermarket.
Din l-inizjattiva qed issir b’kollaborazzjoni mal-Foodbank Foundation, The Millennium Chapel, St Jeanne Antide Foundation, Little Sisters of the Poor, is-Sorijiet tal-Ursolini, SOS Malta, u Caritas Malta, fost ħafna oħrajn.
//= $special ?>