Ekonomija Lokali

L-NSO JIKKONFERMA: Il-prezzijiet ikomplu jogħlew

Żieda fl-ispejjeż tad-djar u l-housing

Ċifri ppubblikati illum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonfermaw żieda oħra fl-Indiċi tal-Prezzijiet. L-istatistika fil-fatt tikkonferma li Ġunju ġiet reġistrata żieda fil-prezzijiet tal-housing, apparat domestiku, maintenance tad-djar, u l-prezz ta’ diversi prodotti u servizzi.

Skont iċ-ċifri tal-NSO, jidher ċar illi f’temp ta’ xahar kien hemm żieda żgħira anke fil-prezzijiet tax-xorb u t-tabakk.

Evidenti wkoll illi l-akbar kontributuri li qed iwasslu biex il-ħajja tkompli tgħola huma l-prezz tal-ikel, ix-xorb u spejjeż relatati mad-djar.

Ftit tal-jiem ilu ħarġet statistika oħra li wriet kif f’Ġunju li għadda r-rata l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna żdiedet għal 2 fil-mija.

Meta wieħed iqabbel l-istatistika tal-NSO maċ-ċifri li ħarġu illum stess mill-Eurostat, joħroġ ċar li l-għoli tal-ħajja f’Malta hija agħar minn dik f’Ċipru, l-Italja, il-Polonja, l-Olanda u saħansitra l-Fillandja fejn il-prezzijiet huma orħos minn tagħna.

Dan kien is-sitt xahar konsekuttiv li fih rajna żieda fl-inflazzjoni.