Illum telgħu l-poloz tat-tielet rawnd tal-UEFA Europa League fejn saru magħrufa l-avversarji ta’ Balzan u Valletta jekk jirnexxielhom jikkwalifikaw mit-tieni rawnds. It-tielet rawnd jikkonsisti fiċ-Champions Path u Main Path.
Fil-kategorija tal-ewwel, iċ-champions lokali Valletta jistgħu jilagħbu kontra l-Bulgari Ludogorets jew id-debuttanti Ungeriżi Vidi, jekk jirnexxielhom jegħlbu liċ-champions tal-Bożnja Zrinjski. Valletta se jkomplu fil-UEFA Europa League wara li sfaw eliminati mill-UEFA Champions League b’gowl lejn it-tmiem kontra t-tim Albaniż Kukesi.
Valletta jibdew l-impenji tagħhom fit-tieni rawnd barra minn darhom il-Ħamis, qabel ma’ ġimgħa wara jilagħbu fis-Centenary Stadium.
Minn dan l-istaġun, il-kompetizzjonijiet Ewropej kellhom bidla mill-format ta’ kwalifikazzjoni riċenti. It-timijiet li jkunu eliminati mill-istadji ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, ikollhom it-tieni ċans fil-UEFA Europa League.
Balzan jilagħbu kontra Slovan Bratislava fl-ewwel leg fis-Centenary Stadium fis-6.00pm. Huma għaddew għal dan ir-rawnd għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom wara li eliminaw b’aggregate ta’ 5-3 lil Kesla tal-Ażerbajġan fl-ewwel rawnd.
Jekk Balzan b’xi mod jgħaddu kontra Slovan Bratislava, fit-tielet rawnd jilagħbu kontra l-Awstrijaċi Rapid Vienna. Huma spiċċaw it-tielet fil-kampjonat domestiku tagħhom wara Red Bull Salzburg u Sturm Graz.
//= $special ?>