Fl-1910 ir-reġista ċinematografiku Piero Marelli ġibed dokumentarju għad-ditta ‘ Tiziano Film – Torino’ bl-isem ‘La conca d’oro’ – ‘Il-baċir tad-deheb’ – jew aħjar il-ħajja ta’ kuljum fil-qalba tal-belt ta’ Palermo fi Sqallija.
Ħajja li kienet tiġbor fiha il-ħidma u l-kummerċ li l-Port ta’ Palermo kien joffri. Ambjent li kien il-qofol ta’ rabtiet li jmorru lil hinn minn dak ekonomiku u kummerċjali. Fil-qafas ta’ dan wieħed irid wkoll iqis ir-rabta marittima li Malta kellha ma’ Sqallija.
Din ir-rabta għenet mhux biss is-settur kummerċjali iżda għenet bil-bosta biex uħud mill-aqwa plejers Maltin jittantaw xortihom fi Sqallija – konxji wkoll li l-futbol fl-Italja kien għadu qed jiżviluppa filwaqt li f’pajjiżna kien ilu stabbilit għal bosta snin grazzi għall-influwenza Britannika fostna. Fil-perspettiva ta’ dan kollu fl-1911 bdiet l-avventura ta’ plejers Maltin f’Palermo u Messina.
Fl-istorja tal-futbol Malti, id-difensur RUĠĠIERU FRIĠĠIERI ‘iż-Żibġa’ jibqa’ meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers ta’ kull żmien. Twieled fil-11 ta’ April tal-1886 (+1925) u minkejja l-istatura qsajra ta’ mhux aktar minn ħames piedi, kien full-back b’saħħtu b’karriera fuq medda bejn l-1908-10 u l-1923-24. Rebaħ xejn anqas minn seba’ kampjonati erbgħa ma’ Floriana (fosthom it-tliet kampjonati konsekuttivi li Floriana F.C. rebħu fl-1909-10, 1911-12 u 1912-13), żewġ kampjonati ma’ Sliema Wanderers u ieħor ma’ St. George’s. Fil-bidu tal-1911 iddeċieda li jittanta xortih barra pajjiżna.
Ruġġieru Friggieri ngħaqad ma’ US Palermo. Mihegħu ingħaqdu wkoll Salvu Troisi li fis-snin ta’ wara kellu jkun wieħed mill-plejers ewlenin ma’ Naples Foot Ball & Cricket Club, kif ukoll EMANUEL VELLA ‘il-Bażokk’ ta’ Floriana F.C. imwieled fl-1886 (+ 1939), bħal Friġġieri u Tabone rebaħ il-Kampjonat fl-1909-10, 1911-12 u 1912-13. Manwel Vella minn żmien is-snin fl-iskola baqa’ ħabib intimu ma’ Ruġġieru Friggieri u Salvu Tabone ‘tal-Luminata’ ( li snin wara wkoll ittanta xortiħ fl-Italja).
Fl-4 ta’ April tal-1911 fil-partita deċiżiva għal min jiġi eliminat mil-Lipton Challenge Cup, US Palermo ittellgħu kontra Trinacria Palermo F.C. US Palermo rebħu 2-0 fejn Salvu Troisi, Manwel Vella u Ruġġieru Friggieri kienu fil-formazzjoni ta’ Trinacria Palermo FC bir-riżultat li kien hemm tliet Maltin minn ħdax.
F’waqtiet f’ġurnali Taljani, Friggieri ssir riferenza għalih bħala Frigerio.
Wara l-partita Trinacria Palermo F.C. ipprotestaw mal-Kumitat Reġjonali ta’ Sqallija fi ħdan l-FIGC minħabba inċidenti u protesti matul il-partita. L-FIGC laqgħet il-protest u ordnat li l-partita terġa’ tintlagħab fid-9 ta’ April tal-1911. US Palermo għelbu lil Trinacria Palermo FC bl-iskor kbir ta’ 8-0.
F’ ‘Goal vol.1 The early years’, hemm referenza għal ġurnal Taljan ‘il Campionato di Calcio’ fejn f’ħarġa tal-1933 hemm riferenza għal Lipton Challenge Cup u wisq aktar għal fatt li Friggieri kien ingħata salarju ta’ 200 liri Taljani fix-xahar.
‘la Coppa Lipton si continua a disputare , ed anzi il Napoli fa arrivare giocatori di Malta per rinforzare la sua squadra, mentre il Palermo recorre persino ad una forma di professionalismo stipendiando un giocatore Maltese.
Nel 1912, si penserà addirittura a far venire da Malta il famoso terzino Friggieri per poter vincere qualche partita decisiva. Friggieri verrà per 200 lire al mese e formerà cosi il capostipite di quella serie di calciatori più o meno professionisti che compongono oggi le maggiori squadre italiane. Pensate piu di vent’ anni or sono.’
L-istoriku Emanuel Spiteri fl-1967-68 f’Evergreen Special Edition jagħmel referenza li Friggieri fl-Italja kien magħruf bħala ‘il diavolo maltese’.
Fl-1912, Palermo wrew ix-xewqa illi jingħaqad magħhom Ruġġieru Friggieri li flimkien ma’ SALVU TABONE magħruf bħala ‘tal-Luminata’ imwieled fl-1892 (+ 1975) ma’ Floriana F.C. rebaħ ħames kampjonati fl-1909-10, 1911-12, 1912-13, 1920-21 u 1921-22 kif ukoll fl-1917-18 ma’ Ħamrun Spartans F.C.
US Palermo riedu li t-tnejn ikunu konfermati bħala l-akkwisti ewlenin l-aktar għal partiti importanti marbuta mal-Lipton Challenge Cup. Fis-7 ta’ April tal-1912 it-tnejn lagħbu kontra Naples Foot Ball & Cricket Club mirbuħa minn US Palermo 6-0. Ftit ġranet wara din ir-rebħa, fis-Sala Lumiere Edison fi Pjazza Verdi nr. 50, Palermo, id-ditta Raffaello Lucarelli li kienet l-aktar ditta cinematografika famuża fi Sqallija wriet lill-pubbliku filmat ta’ din il-partita.
Il-Lipton Challenge Cup kienet l-aktar kompetizzjoni importanti fir-reġjun tan-nofsinhar tal-Italja. Fl-24 ta’ Marzu tal-1913, finali f’Campo Notarbartolo bejn US Palermo u Naples FBCC.
F’partita kkontrollata mir-referee Woodrow, il-konfront dirett bejn il-Maltin Ruġġieru Friggieri u Salvu Tabone għal Palermo u Salvu Troisi għal Napoli b’ Tabone saħansitra jiskorja r-raba’ gowl fil-45 minuta fir-rebħa ta’ 5-0.
Dwar din il-partita rakkont fil-ġurnal ‘Stampa Sportiva’ ta’ Turin fejn fil-ħarġa tat-30 ta’ Marzu 1913, taħt it-titlu ‘V Lipton Challenge Cup 1913’ il-ġurnalist Guido Masi jiddeskrivi wkoll il-gowl ta’ Tabone:
“Tutti corrono dietro la palla che finalmente sale lentamente verso il Palermo, ma Tabone piglia la palla e scende inaspettatamente e dopo beve schermaglia caccia la palla in goal segnando il quarto goal a favore del Palermo F.C. L’arbitro fischia. Il secondo tempo. I celesti-bleu vogliono perdere onoratamente……..”
Friggieri, kien mill-ġdid fit-tim ta’ US Palermo li fit-12 ta’ April tal-1914 f’Campo Ranchibile fi Piazza Leoni, Palermo għelbu 5-1 (3-0) lil Internazionale Napoli f’edizzjoni ta’ dik is-sena tal-Lipton Challenge Cup.
Ma’ Internazionale Napoli FBC kien lagħab il-Malti Raoul Lattard (Attard). Referenza dwar din il-partita saret minn Gaetano Sconzo fi ‘Storie di calcio’.
Għall-istaġun 1914-15, Ruġġieru Friggieri ssieħeb ma’ Società Ginnastica Garibaldi Messina b’sede fi Quartiere Romano B – Messina. Klabb li kien ilu jeżisti mill-1910 u li f’dak l-istaġun ħa post Messina Football Club li kien ġie xolt.
It-tim kien jilgħab f’Campo Santa Cecilia li kien jinsab f’Via Sta. Cecilia u mibni l-art tal-istazzjon il-ġdid tal-merkanzija. Għal SGG Messina, l-akbar suċċess kien fl-1912 bit-tielet post fil-Lipton Challenge Cup.
L-aħbar li Ruġġieru Friggieri ngħaqad ma’ SGG Messina minn ma’ US Palermo intlaqgħet tajjeb mill-kowċ Nazareno Allegra. Madankollu f’dak l-istaġun ftit li xejn intlagħbu partiti fosthom dik li Messina tilfu kontra Ausonia ta’ Reggio Calabria.
Fi tmiem l-1914-15, f’Messina nibet klabb ġdid ‘Sempre – Avanti Savoia Foot Ball Club’ li eventwalment ħa post is-Società Ginnastica Garibaldi Messina. L-avventura ta’ Friggieri f’Messina b’hekk damet biss għal staġun.
Il-fenomenu Frankie Busuttil
Wara waqfa ta’ għaxar snin mingħajr ebda plejer ieħor Malti jilgħab f’kampjonat fl-Italja, għall-istaġun 1925-1926 l-akkwist ewlieni għal Palermo kien l-attakkant żagħżugħ ta’ Sliema Wanderers – FRANK BUSUTTIL.
Palermo Foot Ball Club immexxija mill-President Valentino Colombo li kien laħaq President f’Novembru tal-1925 u baqa’ fil-kariga sal-10 ta’ Lulju 1927 u l-kowċ Ermenegildo Negri saru jafu li Frank Busuttil imwieled fil-25 ta’ Settembru 1899 (+ 22.03.1950), kien qed jistudja għal tabib fl-Università ta’ Palermo fejn konxji minn dak li Busuttil kien qed iwettaq ma’ Sliema Wanderers fil-kampjonat Malti, raw li jkun magħhom għall-istaġun 1925-26.
Palermo FBC kienu fil-Girone Finale B tal-kampjonat Taljan flimkien ma’ Alba Roma (li wara spiċċaw finalisti għar-rebħ tal-Kampjonat Taljan kontra FC Juventus), Bagnolese, Pro Italia u Maceratese. F’dan il-grupp, Palermo FBC rebħu biss kontra Maceratese bl-iskor kbir ta’ 6-0 fejn Frank Busuttil skorja tliet gowls għal Palermo.
Dak l-istaġun għal Palermo l-qofol kien il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni ta’ Sqallija magħruf bħala Lega Sud. Kampjonat deċiż bil-finali kontra Messinese. Fl-ewwel partita, fl-10 ta’Jannar tal-1926 fis-2.30 ta’ wara nofsinhar – fi Stadio Ranchibile, Piazza don Bosco – Palermo, rebħa kbira għal Palermo bl-iskor ta’ 7-0 bi Frankie Busuttil ikun protagonista meta skorja tliet gowls l-ewwel fil-11-il minuta, ieħor fil-41 u t-tielet gowl personali fis-77 minuta.
Għal Palermo, l-erba’ gowls l-oħra skurjahom Negri. Il-partita ta’ ritorn li ntlagħbet fis-17 ta’ Jannar f’Messina kienet biss formalità b’Messinese jirbħu 1-0. Frank Busuttil ma lagħbx f’dik il-partita. Ma’ Palermo fl-istaġun 1925-1926 f’erba’ partiti, Busuttil skorja xejn anqas minn sitt gowls.
Frankie Busuttil, jew aħjar it-tabib Busuttil, fl-Empire Stadium il-Gżira, sabiex jilqa’ mit-trab u xi infezzjoni minħabba l-professjoni, kien jilgħab bl-ingwanti, ma’ Sliema Wanderers rebaħ tliet kampjonati fl-1919-20, l-1922-23 u l-1925-26. Dan tal-aħħar, kien il-kampjonat li ta bidu għat-trofew Johnny Walker.
F’dan il-kampjonat, il-partita kruċjali kienet dik tal-21 ta’ Marzu tal-1926 meta fit-tlieta ta’ wara nofsinhar, fl-Empire Stadium, Sliema Wanderers kellhom il-partita deċiżiva kontra Floriana.
Ġara illi ġranet qabel, Sliema Wanderers għamlu t-tħejjijiet kollha biex it-tabib Frankie Busuttil jinġieb minn Palermo. B’sorpriża għal Floriana, Busuttil deher fil-formazzjoni u mill-ewwel ħalla l-marka bi tliet gowls fil-15-il minuta, fid-19-il minuta u fis-60 minuta, fir-rebħa li Sliema Wanderers wettqu bl-iskor ta’ 4-1.
Fl-1927, Palermo F.C. xoljew minħabba problemi finanzjarji u b’riżultat ta’ dan amalgamaw għal sena ma’ Vigor. Madankollu wara l-esperjenza fl-1925-26, it-tabib Busuttil ma rritornax ma’ Palermo jew ma’ xi tim ieħor fl-Italja.
//= $special ?>