Lokali Saħħa

MUMN: Direttivi ġodda għall-infermiera tat-teatri tal-operazzjonijiet

10 direttivi li se jolqtu 190 infermier

Ftit jiem biss wara li ntlaħaq ftehim bejn il-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel u l-Ministeru tas-Saħħa dwar il-ftehim settorali għall-infermiera, illum l-MUMN tat direttivi ġodda lill-infermiera li jaħdmu fit-teatri prinċipali tal-operazzjonijiet.

Dan qed isir wara li l-infermiera li jaħdmu f’dawn it-teatri ilhom sentejn jaħdmu bi ksur tar-regoli tal-isptar stess. Dan qed jiġri minħabba n-nuqqas fin-numru ta’ nfermiera li qed isarraf f’xogħol eżaġerat għall-infermiera li hemm, kif ukoll għal operazzjonijiet fejn qed ikun hemm inqas infermiera jassistu milli suppost. Dan qiegħed isir b’detriment għas-sigurta’ tal-pazjent u għas-saħħa tal-infermiera nfushom.

Għaldaqstant l-MUMN tat lista ta’ 10 direttivi li mistennija jolqtu madwar 190 infermier u li fost oħrajn jitolbu lill-ħaddiema membri tagħha sabiex ma jassistux f’operazzjonijiet sakemm ma jkunx hemm infermiera kemm suppost. Dawn id-direttivi japplikaw ukoll infermiera tal-anesteżija li jkunu qed jassistu pazjenti wara li joħorġu mit-teatru u jkunu qegħdin jirkupraw.

L-istess se jiġri f’operazzjonijet pedjatriċi fejn suppost li jkun hemm infermier ma kull tifel jew tifla li tkun qegħda tirkupra.

Colin Galea, Segretaru Ġenerali tal-MUMN qal lil Net News li din is-sitwazzjoni kienet ilha għaddejja sentejn u li l-unjin ma setgħetx tibqa taċċetta sitwazzjoni li kienet qed toħloq periklu bla bżonn lill-pazjent u frustrazzjoni u għejja lill-infermiera.