Internazzjonali

Nuqqas ta’ ftehim dwar il-Brexit jista’ jwassal għall-inkwiet ċivili

Sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim stabbilit għandha twassal għal ‘mewġa ta’ inkwiet ċivili’ fil-pajjiż, fi żmien ġimagħtejn biss minn mindu jidħol fis-seħħ il-Brexit.

Ir-rapporti qalu li Doug Gurr, il-Kap tal-Amazon fir-Renju Unit, ħareġ b’dan ix-xenarju xokkanti waqt li kien qed jiddiskuti ċ-ċirkustanzi mas-Segretarju tal-Brexit, Domic Raab. Fil-fatt, qed jingħad li Raab kien informat li s-sitwazzjoni tal-inkwiet potenzjali ‘tinkwadra fl-ippjanar tal-kumpannija Amazon għall-ġejjieni’ u f’każ li ma jintlaħaqx ftehim għall-Brexit bejn Londra u Brussell.

Sorsi fi ġdan il-kumpannija qalu li l-Amazon, l-istess bħal kwalunkwe intrapriża oħra, tikkunsidra varjetà ta’ xenarji kulmeta tiddiskuti l-ippjanar għall-ġejjieni. Dan bil-għan li l-ażjenda tkompli taqdi lill-klijenti u lin-negozji ż-żgħar li jiddependu fuq l-Amazon, avolja hemm ukoll possibbiltà sostanzjali li x-xenarji ma jseħħux fir-realtà.

Ftit tal-jiem ilu, il-Gvern tal-Prim Ministru Britanniku, Theresa May, deher li qed ‘jippjana aktar’ għal Brexit mingħajr ftehim, meta fadal 12-il-ġimgħa għal żblokk pożittiv fin-negozjati mal-UE. Sadattant, mhumiex qed jonqsu ‘ix-xenarji ta’ potenzjal katastrofiku’ b’konsegwenza tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE mingħajr ftehim kummerċjali sod u effettiv.