Lokali

OPINJONI: “Mara tal-familja, tal-poplu, tal-Istat”

Opinjoni f'In-Nazzjon miktuba mill-MEP Francis Zammit Dimech

Maria Tabone m’għadhiex magħna. Għaddiet għal ħajja oħra. Għexet 98 sena. Iddedikat ħajjitha għal żewġha, uliedha, neputijiet, qraba u ħbieb. Inqisha bħala l-mara bi tbissima dejjem fuq fommha, b’kelma tajba u ta’ inkorraġiment għal kulħadd. Kienet tagħti pariri siewja lil kull min jitlobhom.

Sirt naf lil Maria meta ddeċidejt li nidħol fil-politika. Bħala persuna minn San Ġiljan, bħala Nazzjonalist, l-ewwel persuna ta’ referenza għalija kien Ċensu Tabone, żewġha. Meta ddeċidejt li nidħol fil-politika Ċensu kien diġà stabbilit fil-Partit Nazzjonalista, ma kienx daħal fil-politika ta’ età żgħira, iżda darba ddeċieda li jagħti sehmu għall-ħajja pubblika għamel suċċess kif kien għamel bħala speċjalist fil-kura tal-għajnejn.

Maria appoġġjatu dejjem u f’kollox. Anki meta Ġorġ Borġ Olivier fl-1966 sejjaħlu biex ikun Ministru fit-tieni Gvern immexxi minnu wara l-Indipendenza u f’din il-kariga tilef ħafna mid-dħul tiegħu billi dak iż-żmien l-onorarju ta’ ministru kien wieħed baxx ħafna. Ma ninsewx li Ċensu u Maria kienu għadhom qed irabbu familja. Familja kbira.

Iktar ma bdejt nersaq lejn il-politika iktar bdejt nitlob il-pariri ta’ Ċensu u iktar bdejt insibni qrib tal-familja Tabone. Ċensu kien jagħtini pariri siewja ta’ kif għandi nġib ruħi politikament, kif kelli nkun dejjem iktar qrib tal-poplu.

Niftakarni mmur id-dar ta’ Ċensu u hemm kien ikun hemm Maria tieħu ħsieb id-dar, tlesti l-ikel għat-tfal. Jekk kont ninzerta hemm meta jkunu se jieklu dlonk testedinni nkompli magħhom. Dejjem kienet lesta tilqa’ lil kull min iżur id-dar tagħhom f’San Ġiljan. Ma kont niddejjaq xejn naċċetta l-istedina. L-ewwel nett għax l-ikel tagħha kien tajjeb u t-tieni nett għax l-ambjent fil-familja Tabone kien wieħed dejjem ta’ familja b’qalb kbira, b’sens ta’ missjoni, u Maria f’dan kollu kienet pern ewlieni.
Minkejja li kellha żewġha fil-politika u fis-sistema elettorali tagħna anki l-kandidati tal-istess partit ikunu f’kompetizzjoni kontra xulxin, kienet tinkoraġġini ħafna fil-ħidma tiegħi, mhux lanqas bit-tjubija ma tonqos qatt min-naħa tagħha.

Maria kellha qalb tad-deheb. Hi li tellgħet familja numeruża kienet taf xi jfisser li tkabbar familja, speċjalment fi żminijiet fejn il-kundizzjonijiet tal-poplu, anke jekk kienu qed jitjiebu, ma kinux daqshekk floridi. Kienet u tibqa’ xempju ta’ integrità u onestà, apparti mil-lealtà assoluta tagħha lejn il-familja u anki lejn l-Istat. Dawn huwa valuri li għandna bżonn aktar minn qatt qabel u għalhekk ma nistax ma nawgurax li tibqa’ toffrilna eżempju li hemm bżonn insegwu.

Maria wriet dinjità dejjem. Kellha saqajha mal-art. Sew meta żewġha kien moħħu biss fil-mediċina, sew meta daħal fil-politika fejn inħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Ministru sew fi Gvern ta’ Borg Olivier kif ukoll fil-Gvern ta’ Eddie Fenech Adami (fejn allura kien l-unika persuna b’esperjenza Ministerjali preċedenti) u sew meta żewġha nħatar President ta’ Malta u hi kienet il-‘First Lady’ ta’ pajjiżna.

Il-poter qatt ma telgħalha għal rasha. Baqgħet taħdem fost il-poplu u għall-poplu. Id-dinjità li Ċensu Tabone ta lill-Presidenza ta’ pajjiżna hi wkoll riżultat li ħdejh kellu lil Maria. Dejjem niftakarhom jgħidu li wara kull raġel ta’ suċċess hemm mara. U Maria kienet il-mara li għenet lil Ċensu Tabone jikseb is-suċċessi li kiseb f’ħajtu.

Niftakar meta Ċensu laħaq President ta’ Malta, jiena kont Segretarju Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u kont ħadt ħsieb biex il-Partit jerġa’ jkollu pubblikazzjoni marbuta mal-istorja tiegħu: ‘Il-Poplu’ ħlief li sakemm ħadt ħsieb dan il-proġett, kont tajt din il-pubblikazzjoni l-format ta’ magazin. Ridt niddedika l-faċċata ta’ dan il-magazin u l-artiklu prinċipali lil Ċensu. Kont għamiltlu intervista fit-tul. Maria kienet hemm ħdejh, tgħin bil-battuti tagħha, u anki billi tfittex magħna ritratti biex nużaw f’dik il-ħarġa speċjali.

Lil Maria ma nista’ qatt inneħħiha min quddiem għajnejja. Ma nista’ qatt ninsieha, għaliex ikkontribwiet fil-għaġna tal-ħajja politika tiegħi.

Lil uliedha, nisa u rġiel tagħhom, neputijiet, qraba u eluf ta’ ħbieb minn Malta u Għawdex kollha, nagħtihom is-sogħba sinċiera tiegħi.

Jiena ċert li Maria diġà qiegħda ħdejn Ċensu tgawdih għal dejjem wara li tant ħasset it-telfa tiegħu meta snin qabilha ħalla din il-ħajja.