Raġel li kien qed iġorr armat tan-nar spara diversi tiri għal ġo numru ta’ ristoranti u kafeteriji waqt li hu kien miexi barra fil-belt ta’ Toronto. Ir-rapporti qalu li ntlaqtu 14-il persuna mit-tiri sparati u b’waħda mill-vittmi tispiċċa titlef ħajjitha b’konsegwenza. Intant, l-aggressur inqatel waqt konfront mal-pulizija li fetħu n-nar għal fuqu.
Il-pulizija qed tgġid li l-isparar fin-neighborhood ta’ Greektown ma seħħx għall-għarrieda u meta huma mhumiex jeskludu l-possibbiltà tat-terroriżmu.
Filmat li ttieħed waqt dawn il-mumenti drammatiċi wera raġel b’kappell iswed waqt li qed jimxi b’ritmu mgħaġġel fuq il-bankina hu u jispara għal ġo numru ta’ ħwienet u ristoranti fiz-zona ta’ Greektown li hi attiva ħafna, minbarra li famuża għall- istabbilimenti tal-ikel ta’ sidien Griegi.
L-aggressur deher jaġixxi b’mod indisriminattiv u fejn wieġbu għall-emerġenza numru kbir ta’ pulizija, paramediċi u persuni oħra li ġrew għal fuq il-post bil-għan li jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Sadanittant, xi kunsilliera ta’ Toronto ma jeskludux li l-aggressur seta’ kellu l-problemi ‘mentali u emozzjonali’, iżda ma jaħsbux daqstant li hu aġixxa b’dan il-mod għal xi għan kriminali. Fl-istess ħin, il-kunsilliera rrimarkaw dwar ‘iċ-ċirkustanzi traġiċi’ tal-isparatura li kellha sseħħ f’zona fejn jiltaqgħu ħafna familji għall-ikel.
L-isparaturi fuq dan il-livell huma xi ħaġa rari għal Toronto, li hi t-tieni l-ajbar belt tal-Kanada.
Iżda l-pulizija f’Toronto, fl-aħħar jiem, stazzjonaw numru ta’ uffiċjali addizzjonali biex jikkontrollaw spinta riċenti fil-vjolenza bl-armi fid-diversi nħawi tal-belt. Dan waqt li l-awtoritajiet ammettew li ‘teżisti problema bl-armi tan-nar’ fil-belt partikulari fejn saret faċli wisq biex ir-residenti jiksbu arma ta’ dan it-tip.
Sparatura fatali fit-toroq ta’ Toronto


