Lokali

Tingħata l-aħħar tislima Maria Tabone

“Maria Tabone tat ħajjitha lill-poplu Malti kollu” - Fr. Claude Portelli

Fr. Claude Portelli faħħar għall-mod kif il-mara tal-eks President Ċensu Tabone, Maria Tabone għiexet tul ħajjitha waqt l-omelija tal-quddies tal-funeral li saret it-Tnejn wara nofsinhar biex tingħata l-aħħar tislima.

Maria Tabone kienet deskritta bħala ikona ta’ mara ta’ għaqal u għerf.

Fr. Claude Portelli qal li kienet mara ta’ politiku iżda wkoll omm ta’ ħafna. Ħafna kienu jaraw minnha xbieha ta’ omm, b’mod speċjali meta hi u żewġa kellhom l-għola kariga fil-pajjiż, meta Ċensu Tabone kien President ta’ Malta.

Sostna li tul ħajjitha Maria ħabbet lil pajjiżha u għarfet li tagħmel minn kollox biex tgħati ħajjitha lejn il-poplu Malti.

Fl-aħħar, Fr. Claude Portelli żied jgħid li Maria Tabone għexet ħajja ta’ servizz twil ta’ lealtà u għożża lejn Malta, filwaqt li tat eżempju tajjeb lil dawk ta’ madwarha.

Maria Tabone mietet fl-eta’ ta’ 98 sena.

Imwielda l-Belt Valletta fid-9 ta’ Frar tal-1920 Maria Tabone għexet ħajja twila u mimlija li ma kienitx nieqsa mis-sagrifiċċji.

Maria kienet l-akbar fost it-tmien ulied tal-Maġistrat Wirth li kien imur iservi f’Għawdex tul ix-xhur tas-sajf. Kien propju waqt wieħed minn dawn is-sjuf, meta hi kien għad għandha biss 15-il sena li ltaqgħet ma’ Ċensu Tabone.