Il-Pulizija qed jinvestigaw carer Filippina li tellgħet filmat fuq Facebook waqt li tiddieħaq, tgħajjar u thedded lil anzjana.
Il-filmat ittella’ b’mod dirett mill-istess carer fuq Facebook, u dam onlajn għal numru ta’ sigħat. Madanollu jirriżulta li f’xi ħin dan il-filmat beda jikseb popolarità hekk kif attira l-attenzjoni ta’ diversi Maltin.
Dan hekk kif fil-filmat, l-anzjana tinstema’ titkarrab għall-ikel, iżda minflok qdietha, il-carer bdiet tgħajjarha u tirreferi għaliha bħala ħanżir. Tinstema’ wkoll tgħidilha li diġa’ għadditilha l-ikel u ma jistax ikun li dejjem bil-ġuħ.
Hekk kif l-anzjana talbitha tiftaħ il-purtieri, jew tbiddlilha l-istazzjon tat-televiżjoni, il-carer irrifjutat u qaltilha biex tagħlaq ħalqha. Tgħajjarha wkoll għax bla snien.
F’ħin minnhom instema’ wkoll ħoss, bil-carer tbeżżahha li dak hu l-ħares u li jekk ma tagħlaqx ħalqha se jiġi għaliha. Imbagħad, meta l-anzjana qaltilha li kienet qed tkun kattiva magħha, l-istess carer wissietha li se tugżaha lil bintha.
Kien hawn li l-filmat tneħħa minn fuq Facebook, wara li l-carer bdiet tirċievi numru kbir ta’ kummenti ta’ kritika u hekk kif kienet imwissija li se jirrapurtawha. Madankollu, uħud minn dawk li kienu rawh laħqu żammew kopja tiegħu.
netnews.com.mt jinsab infurmat li dwar dan il-każ sar rapport lill-Pulizija ta’ Kontra r-Reati Onlajn, li għandom ukoll il-filmat fil-pussess tagħhom.
//= $special ?>