Futbol Sport

Cherchesov fost il-kowċis finalisti biex jirbaħ l-aqwa kowċ tas-sena tal-FIFA

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż Gareth Southgate jinsab fost il-finalist għall-unur tal-aqwa kowċ tal-FIFA għas-sena 2018. Southgate hu wieħed mill-kowċis sorpriża li jinsab fil-lista finali wara mexxa lit-tim nazzjonali Ingliż għall-ewwel semifinali fit-Tazza tad-Dinja wara 28 sena.

Bħalu hemm il-kowċ nazzjonali tal-Belġju Roberto Martinez li rnexxielu jmexxi lit-tim Belġjan għat-tielet post fit-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. L-aktar kowċ sorpriża li jinsab fil-lista finali hu l-kowċ nazzjonali tar-Russja Stanislav Cherchesov wara li mexxa lir-Russja sal-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja b’rebħa fuq Spanja fir-rawnd ta’ qabel.

Ma jistax jonqos li parti mil-lista jkun hemm il-kowċ Kroat Zlatko Dalic u l-kowċ Franċiż Didier Deschamps. Dalic mexxa lit-tim Kroat għall-ewwel finali fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja fl-istorja tagħhom, wara li kienu waslu darba sas-semifinali fl-1998.

Didier Deschamps spikka wara gwida lit-tim Franċiż għar-rebħ tat-Tieni Tazza tad-Dinja fl-istorja tagħhom, b’rebħa fil-finali proprju kontra l-Kroazja.

Minbarra ħames kowċis nazzjonali, hemm sitt kowċis ta’ klabbs finalisti. Zinedine Zidane mexxa lil Real Madrid għar-rebħ tat-tielet Champions League konsekuttiva qabel ma ħalla Santiago Bernabeu. Il-kowċ ta’ Atletico Madrid Diego Simeone qiegħed finalist wara li għen lit-tim biex jirbaħ l-Europa League filwaqt li spiċċaw it-tielet fil-kampjonat.

Il-kowċ ta’ Barcelona Ernesto Valverde kien nominat wara li fl-ewwel staġun tiegħu mal-klabb rebaħ La Liga u t-Tazza tar-Re u għal ftit falla li jirbaħ il-kampjonat bla telfa.

Pep Guardiola kien strumentali biex Manchester City rebħu l-Premier League Ingliż u saru l-ewwel tim li laħaq il-100 punt. Hu rebaħ ukoll il-League Cup fi Frar li għadda b’rebħa ta’ 3-0 kontra Arsenal. Kowċ ieħor li jmexxi tim fil-Premier League Ingliż u jinsab finalist hu Jurgen Klopp. Minkejja li ma rebaħ l-ebda unur, Klopp wassal lil Liverpool sal-finali taċ-Champions League u spiċċa fir-raba’ post fil-kampjonat Ingliż.

L-Italja għandha kowċ biss fil-lista finali, b’Massimiliano Allegri għal sena oħra fost il-finalisti wara li mexxa lil Juventus għar-rebħ tas-seba’ kampjonat konsektutiv u r-rebħ tar-raba’ Coppa Italia konsekuttiva.

Finalisti

Massimiliano Allegri      Juventus

Stanislav Cherchesov      Russja

Zlatko Dalic                       Kroazja

Didier Deschamps            Franza

Pep Guardiola                    Man City

Jurgen Klopp                      Liverpool

Roberto Martinez               Belġju

Diego Simeone                    Atletico Madrid

Gareth Southgate                Ingilterra

Ernesto Valverde                 Barcelona

Zinedine Zidane                   Real Madrid