It-tim tal-Formula 1 Red Bull Racing qal li Daniel Ricciardo se jevita penalità fil-Grand Prix ta’ din il-ġimgħa fl-Ungerija, minkejja li kellu jirtira fil-Grand Prix tal-Ħadd li għadda fil-Ġermanja.
L-Awstraljan ingħata penalità f’Hockenheim minħabba li nbidlu diversi partijiet fil-karozza tiegħu. Il-problema fil-magna li kellu, qajmu dubji serji jekk hux se jirċievi aktar penalitajiet f’Hungaroring.
Iżda kelliem għal Red Bull qal li t-tim mhux qed jistenna aktar penalitajiet. Hu naqas li jispeċifika iżda qal li l-partijiet li kellhom problema se jkunu mibdula ma’ parti li kellhom u għalhekk se jevitaw li jdaħħlu biċċa ġdida u sussegwentament penalità oħra.
Ricciardo ħa fil-Ġermanja f’dik li hi magħrufa fil-Formula 1 bħala penalità tattika. Dan ifisser li tim li diġà uża l-limitu ta’ partijiet tal-magna permissibbli kull staġun, jagħmlu bidla strateġika biex jieħdu penalità f’tiġrija fejn mhux se jkunu kompetittivi, biex ikunu f’pożizzjoni aħjar f’ċirkwit li jistgħu jiksbu aktar punti.
Hungaroring hu wieħed mit-tliet ċirkwiti prinċipali li Red Bull jistgħu jkunu kompetittivi minħabba l-karatteristika tal-karozza. L-ewwel ċirkwit kien Monaco fejn Ricciardo rebaħ, u minbarra l-Ungerija, it-tielet ċirkwit hu dak f’Singapore f’Settembru.
//= $special ?>