Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq tibda żżarma sit għar-rokits

L-awtoritajiet fil-Korea ta’ Fuq komunista qed jidhru li bdew iżżarmaw parti minn sit ewlieni għall-provi tar-rokits f’inħawi lejn il-majjistral ta’ pajjiżhom.

Skont ir-ritratti (mis-satellita) tas-sit ta’ Sohae – u li rawhom il-membri tal-grupp għall-moniteraġġ bl-isem 38 North ( ibbażat l-Istati Uniti) – l-indikazzjonijiet huma li r-reġim fi Pyongyang qed iżomm mal-wiegħda li kien għamel lill-Istati Uniti f’Ġunju li għadda.

Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, kien impenja ruħu biex jeqred sit fejn qed isiru l-provi għall-magni tar-rokits fil-Korea ta’ Fuq – iżda mingħajr ma speċifika d-dettalji.

Ir-reġim ta’ Kim insista li s-sit ta’ Sohae kien qed jintuża għat-tlugħ tas-satelliti, iżda uffiċjali tal-Istati Uniti jissuspettaw li s-sit kien, fil-fatt, ċentru għall-provi tal-missili ballistiċi.

L-indikazzjonijiet dwar id-diżarm’ tas-sit ta’ Sohae ħarġu fost ‘l-espressjonijiet ta’ dubju’ dwar kemm il-Korea ta’ Fuq tista’ tassew hi impenjata għad-diżarm skont il-wiegħdiet li għamel Kim lil Donald Trump matul is-summit storiku tat-12 ta’ Ġunju, f’Singapore. F’din il-laqgħa, iż-żewġ mexxejja ffirmaw ftehim biex jaħdmu lejn ‘id-denuklearizzazzjoni sħiħa tal-Peniżola Koreana.’