Internazzjonali

Il-mewġa tas-sħana fil-Ġappun iddikjarata diżastru naturali

L-aġenzija meteoroloġika tal-Ġappun iddikjarat il-mewġa tas-sħana li qed taħkem fil-pajjiż bħalissa bħala diżastru naturali. Dan meta fl-aħħar ġimgħa kienu rappurtati talanqas 65 mewta b’konsegwenza tas-sħana qalila.

Kelliema għall-aġenzija kkonfermaw li ċerti bnadi tal-pajjiż inħakmu minn ‘livelli tas-sħana mingħajr preċedent’ meta ‘il fuq minn 22,000 persuna (kważi nofsom anzjani) kellhom jiddaħħlu l-isptar minħabba l-effetti ta’ heat stroke.

Fil-bidu tal-ġimgħa, il-belt ta’ Kumagaya rappurtat temperaturi li qabżu l-41 grad Celsius, b’dan ikun l-ogħla rekord ta’ sħana qatt irreġistrat fil-Ġappun.

Intant, l-ibliet ewlenin tal-Ġappun, fosthom il-kapitali Tokjo, qegħdin ibatu ‘taħt, ftit jew wisq, l-istess livelli ta’ sħana’, fost tbassir li l-heatwave se jkompli fil-ġranet li ġejjin.

Fil-fatt, fiċ-ċentru ta’ Tokjo kienu reġistrati għall-ewwel darba temperaturi ta’ ‘il fuq minn 40 grad Celsius — bl-Aġenzija Meteroloġika Ġappuniża qed twissi li t-temperaturi ta’ 35 grad Celsius ‘jew ogħla’ se jibqgħu jiddojminaw sal-ewwel jiem ta’ Awwissu.

L-awtoritajiet, sadanittant, qed isostnu li din il-mewġa tas-sħana qed tikkostwixxi theddida għall-ħajja u li huma qed jirrikonoxxuha bħala ‘diżastru naturali’.