“L-esperjenza li għaddejna minnha fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet l-agħar waħda li għaddejt minnha fl-aħħar seba’ snin ta’ servizz.”
Iddikjara dan l-infermier Chartlon Caruana, li kien fost dawk aggrediti minn Libjan li ordnalhom li jiddewwa u jittieħed lejn daru permezz tal-ambulanza wara li ġie aggredit għax qala’ l-inkwiet ftit qabel.
Waqt li tella’ ritratt tas-sidrija tax-xogħol mimlija titjir tad-demm, Caruana tkellem dwar kif hu u l-kollegi tiegħu ġew abbużati fiżikament u verbalment minn żagħżugħ Libjan li saħansitra qabad waddab il-ġebel lejhom waqt li kienu qed jassistu lil pazjenti oħra.
Dan mhux l-uniku każ riċenti fejn staff tal-ambulanza ġie aggredit waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Fi Frar, raġel sar aggressiv u ħebb għall-infermier u għax-xufier ta’ ambulanza li marru jassistuh wara li tab mal-art f’Bormla, waqt li ftit jiem wara staff ta’ ambulanza miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid ġew aggrediti f’każ ieħor.
Fi Frar, il-General Workers’ Union li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-ambulanzi kienet wissiet lid-Dipartiment tas-Saħħa li dawn il-ħaddiema għandu jkollom il-protezzjoni kollha meħtieġa.
Dakinhar, jiġifieri ħames xhur ilu, il-General Workers’ Union insistiet li issa wasal iż-żmien li l-affarijiet jittieħdu b’aktar serjetà u min hu responsabbli jassigura li l-ħaddiema jkollhom il-protezzjoni meħtieġa.
Sadattant il-vittma, Charlton Caruana, appella wkoll biex il-poplu juża s-servizz tal-ambulanza meta vera jkun hemm bżonn urġenti, hekk kif qal li l-istaff diġa’ għaddej minn sitwazzjoni diffiċli b’nuqqas ta’ staff.
//= $special ?>