Sport Waterpolo

Malta tispiċċa fis-16-il post b’telfa kontra t-Turkija wara l-għoti tal-penalties

Stevie Camilleri jiskorja l-aħħar penalty ta' Malta
It-tim Malti kellu jiġri wara r-riżultat wara bidu negattiv

It-tim nazzjonali Malti temm il-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fis-16-il post wara telfa ta’ 13-12 kontra t-Turkija wara l-għoti tal-penalties. Il-partita fil-ħin regolamentari ntemmet 7-7, bit-tim Malti jirkupra wara bidu negattiv.

B’hekk it-tim Malti naqas li jżomm il-15-il post miksub sentejn u nofs ilu f’Belgrad meta dakinhar il-plejers Maltin kienu għelbu lit-Turkija bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba wkoll kienet intemmet fi draw, dakinhar 10-10.

Determinanti għal partita oħra kienu s-sitwazzjonijiet fil-man-ups. It-tim Malti skorja erba’ gowls minn 12-il sitwazzjoni. It-Turkija skorjat sitta minn 13-il okkażjoni. Fatt interessanti kien li t-Turkija ma skorjatx gowl minn azzjoni meta l-plejers kienu ndaqs fl-ilma.

F’kummenti wara l-partita, il-President tal-ASA Joe Caruana qal li din il-logħba aktar tilifha t-tim Malti milli rebħu t-Turkija. Hu qal li l-problema tat-tim kienu l-ewwel żewġ sessjonijiet.

Hu qal kulħadd irid li dispjaċut iżda diżappuntat għaliex sa jumejn ilu emmen li saħansitra t-tim Malti seta’ jispiċċa. “Sfortunatament ukoll xi plejers lagħbu taħt il-livell ta’ dak li konna qed nistennew u meta jkollok limitazzjoni bħalna kif diġà għandna fiċ-ċokon tagħna, dawn l-affarijiet imbagħad tħallas għalihom fir-riżultat finali.”

“Kulħadd għandu jagħmel eżami ta’ dak kollu li ġara tul dawn l-għaxart ijiem.” Iżda hu żied li jinsab ottimist li fis-snin li ġejjin il-Waterpolo Malti jista’ biss jitjieb u tenna li l-aktar importanti kien li t-tim Malti reġa’ kkwalifika mal-aqwa 16 fl-Ewropa.

Bidu negattiv mit-tim Malti hekk kif it-Turkija rnexxielhom 3-0 minn fuq sa żewġ minuti minn tmiem l-ewwel sessjoni. L-ewwel kien Nesfet Ozbek li skorja b’xutt min-naħa leminija, biex żewġ minuti wara kien Berk Biyik li żmarka ruħu u skorja mill-viċin.

Żewġ minuti u 11-il sekonda mit-tmiem tal-ewwel sessjoni, Nadir Sonmez skorja t-tielet gowl minn pożizzjoni ċentrali. Inċidentalment dawn it-tliet gowls waslu minn sitwazzjonijiet ta’ raġel aktar. Matthew Zammit naqqas id-distakk ftit wara b’xutt sabiħ għar-rokna mill-ħames metri.

Il-plejer xellugi fetaħ it-tieni sessjoni tajjeb meta skorja t-tieni gowl personali, f’dak li kien l-ewwel gowl skorjat minn man-up. Iżda ftit wara t-Torok marru 4-2 minn fuq permezz ta’ Nadir Sonmez biex ukoll skorja t-tieni gowl personali.

It-Turkija marret 5-2 minn fuq b’gowl ta’ Nesfet Ozbek b’żewġ minuti u 10 sekondi. Fatt interessanti hu li sa dak il-ħin it-Turkija kienet skorjat il-ħames gowls tagħha kollha minn sitwazzjonijiet ta’ man-ups.

Wara l-mistrieħ it-tim Malti bla dubju li kien aħjar mill-avversarji. Fid-difiża l-plejers Maltin kienu aħjar fejn saħansitra ddefendew it-tliet okkażjonijiet li kienu bi plejer anqas. Nicholas Bugelli reġa’ kabbar it-tama tat-tim Malti fil-bidu tat-tielet sessjoni bi ġmiel ta’ backhand minn pożizzjoni ċentrali.

Il-partita kompliet tkun bilanċjata u sfortunatament tkeċċa bit-tielet fawl Matthew Zammit li kien fost l-aħjar. Iżda t-tim Malti xorta naqqas id-distakk b’44 sekonda għat-tmiem it-tielet sessjoni, b’Aurelien Cousin jikkonverti minn man-up.

Ir-rimonta Maltija kompliet fl-aħħar sessjoni b’Nicholas Bugelli jiskorja minn man-up filwaqt li bi tliet minuti u nofs għat-tmiem, Andreas Galea poġġa lit-tim Malti minn fuq għall-ewwel darba b’xutt fil-baxx. Ali Can Yilmaz ġab id-draw minn man-up. It-tim Malti kien għoddu mar minn fuq b’gowl ta’ Aurelien Cousin iżda l-gowl ġie mħassar hekk kif jidher li r-referee mill-Georgia saffar fawl.

Stevie Camilleri deher li seta’ skorja l-gowl rebbieħ b’anqas minn minuta u nofs għat-tmiem, b’gowl mis-centre minn man-up. Madankollu t-Turkija ġabet id-draw b’anqas minn minuta wara li r-referee mill-Olanda ordnat penalty għal dak li rat fawl ta’ Cousin. Nesfet Ozbek għeleb lil Jake Tanti biex il-partita baqgħet draw u kellha tiġi deċiża bil-penalties.

Fl-għoti tal-penalties iż-żewġ timijiet skorjaw il-ħames penalties tagħhom. Berk Biyik, Yusa Han Duzenli, Nadir Sonmez, Nesfet Ozbek, Ali Can Yilmaz skorjaw għat-Turkija. Michael Spiteri Staines, Aurelien Cousin, Jeremy Abela, Jordan Camilleri u Stevie Camilleri skorjaw għal Malta.

Fil-Waterpolo wara l-ewwel ħames penalties, jerġgħu jagħtu l-istess plejers. Berk Biyik skorja għat-Turkija iżda Michael Spiteri Staines ra x-xutt tiegħu jgħaddi għoli.