Futbol Sport

Neymar jitħalla barra mill-finalisti għall-aqwa plejer tal-FIFA

Is-soliti Cristiano Ronaldo u Lionel Messi reġgħu jinsabu fost il-lista tal-aqwa 10 b’ċans li jirbħu l-aqwa plejer tal-FIFA għal sena oħra, iżda l-Brażiljan Neymar tħalla barra mil-lista finali.

Ronaldo u Messi kellhom staġun ieħor pożittiv mal-klabbs rispettivi, b’Ronaldo jirbaħ iċ-Champions League għal sena oħra ma’ Real Madrid filwaqt li Messi rebaħ it-Tazza tar-Re u l-La Liga. Mat-timijiet nazzjonali tagħhom fit-Tazza tad-Dinja, it-tnejn ftit spikkaw, b’Ronaldo jkollu l-ewwel żewġ prestazzjonijiet pożittivi, filwaqt li Messi ddiżappunta bħal ma għamel il-kumplament tat-tim Arġentin.

F’dawn l-aħħar snin, Ronaldo u Messi ddominaw dan l-unur, iżda din is-sena għandhom sfida minn diversi plejers. L-għażla finali hi bbażata bejn it-3 ta’ Lulju 2017 u l-15 ta’ Lulju 2018. Żgur li matul is-sena spikkaw plejers bħal Kevin De Bruyne, Mohamed Salah u Harry Kane, kollha plejers li jilagħbu fil-Premier League Ingliż.

De Bruyne kellu staġun mill-aqwa ma’ Manchester City fejn kien strumentali biex it-tim tiegħu ddomina l-Premier League, u kellu prestazzjonijiet tajbin mal-Belġju fit-Tazza tad-Dinja. Mohamed Salah sploda ma’ Liverpool fl-aħħar staġun fejn mhux biss kien l-aqwa skorer tal-klabb iżda kien l-aqwa skorer tal-Premier League Ingliż.

Harry Kane temm l-aqwa skorer tat-Tazza tad-Dinja, u kompla jkun pedina fondamentali ma’ Tottenham b’gowl wara l-ieħor fejn kompla jikser aktar rekords personali. Plejer ieħor li jilgħab fl-Ingilterra u jinsab finalist hu Eden Hazard li ma kellux staġun brillanti ma’ Chelsea iżda spikka fit-Tazza tad-Dinja.

Finalisti hemm ukoll il-koppja tal-attakk Franċiż Antoine Griezmann u Kylian Mbappe. Griezmann għen lil Atletico Madrid jirbħu l-Europa League minbarra kampjonat pożittiv. Kylian Mbappe kompla jibni fuq l-istaġun ta’ qabel ma’ Paris Saint Germain iżda spikka ħafna fit-Tazza tad-Dinja fejn għen mhux ftit biex Franza tirbaħ it-Tazza tad-Dinja.

Plejer li jista’ jkun fost il-favoriti li jirbaħ hu l-midfielder Luka Modric. Il-Kroat spikka fit-Tazza tad-Dinja meta kien fondamentali biex il-Kroazja tasal sal-finali, iżda mhux biss hekk kif kien pedina importanti biex Real Madrid jirbħu t-tielet Champions League konsekuttiva.

F’din il-lista hemm biss difensur wieħed. Dan hu Raphael Varane li kellu staġun mill-aqwa fejn bħal Modric rebaħ iċ-Champions League ma’ Real Madrid f’koppja ma’ Sergio Ramos, iżda fit-Tazza tad-Dinja fforma koppja ma’ Samuel Umtiti biex minbarra Champion Ewropew sar ukoll Champion tad-Dinja.