Formula 1 Sport

Pospost il-pjan biex isir Grand Prix f’Miami fl-2019

Il-Formula 1 abbandunat pjanijiet li torganizza Grand Prix f’Miami f’Ottubru tal-2019 u minflok pposponiet id-debutt tat-tiġrija sas-sena ta’ wara. Stqarrija tal-kap kummerċjali tal-Formula 1 Sean Bratches qal li għadda ż-żmien biex tiġi organizzata fl-2019.

Hu qal li n-negozjati kienu kumplikati iżda dawk il-pjanijiet tat-tiġrija għamlu progress sinifikanti. Id-deċiżjoni li jsir il-posponiment saret mal-awtoritajiet ta’ Miami. Bratches qal li l-Formula 1 kienet impenjata li tespandi fl-Istati Uniti u Miami b’mod partikolari.

Il-Formula 1 qed tittama li żżid it-tiġrijiet ta’ dak li tqis bħala bliet importanti fuq il-kosta tal-lvant u l-punent fejn jinsab iċ-ċirkwit f’Austin Texas, tiġrija li ilha ssir mill-2012. Bratches żied li l-Formula 1 torganizza attivitajiet għall-partitarji fejn it-timijiet isuqu l-karozzi madwar it-toroq filwaqt li x-xufiera jiltaqgħu mal-partitarji f’Miami f’Ottubru.

L-istqarrija kompliet tgħid li d-diskussjonijiet kellhom dewmien speċjalment minħabba il-forma taċ-ċirkit. Bratches saħaq li l-Formula 1 riedet tagħti l-aqwa tiġrija possibbli u għalhekk tippreferi tistenna biex ikollha riżultat aħjar.