Il-militar ta’ Iżrael waqqa’ ajruplan tal-gwerra tas-Sirja li kien qed itir mill-ispazju tal-ajru tal-Iżraeljani, fuq in-nofsinar tal-Golan.
Il-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani qalu li kienu sparaw żewġ missili tat-tip Patriot lejn il-fighter-jet Sirjan, tat-tip Sukhoi, meta ‘dan deher li kien qed jabbuża l-ispazju tal-ajru tagħhom’.
Rapporti oħra li ma kenux ikkonfermati irreferew ‘għall-qtil tal-pilota’ tal-ajruplan tas-Sirja.
Sadanittant, l-aġenzija tal-aħbarijiet Sirjana SANA qalet li l-qawwiet ta’ Iżrael kienu sparaw lejn ajruplan militari tas-Sirja iżda ma kkonfermatx li dan intlaqat. Is-Sirjani sostnew li l-ajruplan inkwistjoni ‘kien qed imexxi rejds kontra gruppi tat-terroristi armati’ fl-inħawi tal-Wied ta’ Yarmouk.
Min-naħa tagħhom, il-qawwiet tad-difiża Iżraeljani qalu li jinsabu fuq stat ta’ allert għoli minħabba l-ispinta fil-ġlied fl-artijiet tas-Sirja u l-fatt li l-qawwiet tal-ajru Sirjani saru aktar attivi fil-limiti tal-Golan.
Iżrael kien ħataf l-Għoljiet tal-Golan ( jew sempliċiment il-Golan) lis-Sirja waqt il-Gwerra tal-1967 fil-Lvant Nofsani u, snin wara (fl-1981), kien għaqqdu formalment mat-territorju tiegħu.
//= $special ?>

