Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, irrabatta l-kummenti tal-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan fejn irrefera għal Iżrael bħala ‘l-aktar Stat faxxist u razzista fid-dinja’.
Wara li Erdogan qabbel il-mexxejja politiċi Iżraeljani mal-eksdittatur Nażista Adolf Hitler, Netanyahu akkuża lill-Mexxej Tork ‘dwar massakri ta’ Sirjani u Kurdi’ u kkundannah ‘talli bidel lit-Turkija f’dittatorjat’. Il-Prim Ministru Iżraeljan akkuża wkoll lil Erdogan dwar ‘il-priġunerija ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini Torok f’pajjiżhom stess’.
Iżrael u t-Turkija għandhom storja ta’ relazzjonijiet diffiċli u karatterizzati bit-tensjoni. Huma kienu kisru r-relazzjonijiet fl-2010 u rristawrawhom sitt snin wara, iżda f’Mejju reġa’ żbroffa l-inkwiet bejniethom fost tkeċċijiet reċiproċi ta’ diplomati f’tilwima dwar il-qtil ta’ Palestinjani mill-Iżraeljani waqt protesti tul il-fruntiera ta’ Iżrael ma’ Gaza.
Sadanittant, Erdogan, waqt diskors lill-Partit AKP (Iżlamiku) tiegħu, ikkritika liġi kontroversjali ta’ Iżrael li tikkaratterizza lill-pajjiż, prinċipalment, bħala Stat għal-Lhud. Il-President Tork kompla li ‘mhemm l-ebda differenza bejn l-ossessjoni li kellu Hitler għar-razza Arjana u l-fehma tal-Iżraeljani li t-territorji antiki fil-Lvant Nofsani huma proprjetà esklussiva tal-Lhud’.
Intant, Iżrael qed jirreaġġixxi għal kliemu b’rabja kbira meta jikkunsidra kull paragun mal-eksreġim Nażista (li qatel sitt miljun Lhud fl-Ewropa waqt it-Tieni Gwerra) bħala insult li ma jinħafirx.
//= $special ?>

