Il-Union tal-Edukaturi Professjonali, UPE-Voice of the Workers, illum ħarġet stqarrija fejn uriet it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni preżenti fi Skolasajf issa li dħalna diġa fit-tieni ġimgħa tagħha. Il-Unjin qalet li rċiviet numru ta’ rapporti matul tmiem il-ġimgħa li jindikaw li kien hemm nuqqas ta’ ppjanar minn naħa tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u l-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Membri tal-union qalu li l-pagi miżeri u kundizzjonijiet ta’ xogħol prekarji huma r-raġuni għan-nuqqas ta’ konkorrenza minn naħa tal-edukaturi fl-applikazzjonijet għal xogħol fis-sajf.
Il-union kompliet tgħid li meta wieħed iqis li n-numru ta’ għalliema jkompli jonqos minħabba assentejiżmu u vaganzi, dan se jirriżulta fi-klassijiet bla għalliema u oħrajn b’ħafna tfal żejda.
Il-union talbet lill-entitajiet responsabbli biex jaraw li l-membri tagħha jkollhom ambjent xieraq fejn iwettqu l-ħidma tagħhom u li jkunu rispettati n-numri li suppost ikun hemm f’termini ta’ proporzjon bejn tfal u għalliema fil-klassi. Il-union kompliet tgħid li sakemm il-pagi tal-għalliema mhux se jiġu riveduti, din il-problema se tippersisti sena wara sena.
L-għalliema ta’ Skolasajf jitħallsu €5.91 is-siegħa.
//= $special ?>