Sport Waterpolo

Tama li t-tim Malti jerġa’ jispiċċa fil-15-il post

Illum it-tim nazzjonali Malti jtemm it-tieni esperjenza tiegħu f’fażi finali tal-Kampjonat Ewropew b’konfront kontra t-Turkija, bit-tama ta’ riżultat pożittiv. Inċidentalment, f’Belgrad fl-2016, it-tim Malti kien lagħab il-partita biex jispiċċa fil-15 jew is-16-il post ukoll kontra t-Turkija, logħba li t-tim Malti kien rebaħ 14-13 wara l-għoti tal-penalties hekk kif il-logħba kienet spiċċat fi draw ta’ 10-10.

Il-prestazzjonijiet tal-plejers Maltin varjaw minn logħba għal oħra. L-ewwel żewġ logħbiet kienu kontra timijiet ta’ saħħa mondjali u ftit kien mistenni. It-tim Malti tilef 21-4 kontra Spanja u 17-5 kontra l-Montenegro, bit-tieni logħba tkun aħjar fil-prestazzjoni għaliex it-tim Malti lagħab aktar il-logħba.

Il-logħba kontra Franza kienet ukoll diffiċli iżda l-avversarju kien anqas b’saħħtu minn dak preċedenti. Telfa ta’ 12-6 li għalqet Grupp B, filwaqt li t-tim Malti tejjeb ir-riżultat finali hekk kif kien f’Belgrad kien lagħab ukoll kontra Franza, b’dik il-logħba tintemm 17-7.

Il-Ħadd, it-tim ta’ Karl Izzo kien fl-azzjoni kontra s-Slovakkja, iżda hawn ukoll waslet telfa ta’ 11-6 kontra tim li fuq il-karta ftit aħjar, iżda fil-logħba ftit kien hemm differenza, għajr li s-Slovakki bdew jieħdu vantaġġ minn nuqqasijiet Maltin speċjalment fil-ħarba. F’dan il-każ ukoll li kien hemm titjib hekk kif f’Belgrad ukoll lagħab kontra dan it-tim b’riżultat finali ta’ 17-9.

Karl Izzo jittama li fl-aħħar logħba t-tim Malti jagħti kollox anki għaliex fl-aħħar logħba dehret ukoll ftit għajja fiżika fit-tim. Żgur li l-kowċ nazzjonali ħadem mat-tim fuq il-man-ups hekk kif kull logħba il-persentaġġ ta’ suċċess kien fqir, speċjalment fl-aħħar żewġ logħbiet fejn it-tim kellu aktar okkażjonijiet.

It-tim Malti se jkun żgur mingħajr Dino Zammit li l-Ħadd filgħaxija wasal lura pajjiżna wara li weġġa’ spalltu l-Ġimgħa kontra Franza u mistenni li jdum nieqes mill-azzjoni.

Sfortunatament, fil-logħba kontra s-Slovakkja kellu jinbidel ukoll wara sessjoni l-gowlkiper Nicky Grixti minħabba li kien ma jiflaħx u mistenni jkun nieqes illum. Fortunatament Jake Tanti kellu prestazzjonijiet pożittivi u għalhekk jekk iżomm il-livell li kellu sa issa għandu jkun sostitut denju.

Il-partita kontra t-Turkija hi waħda realistika li t-tim Malti jista’ jirbaħ, iżda żgur li l-plejers Maltin iridu jagħtu l-aħħar sforz u jkunu preċiżi kemm jista’ jkun. Il-perċentwal fil-man-ups irid jitjieb filwaqt li joqogħdu attenti biex minn attakk Malti ma jispiċċax f’attakk u gowl tat-Turkija.

Logħob għal-lum

15 u 16-il post

Turkija v Malta              10.30am

13 u 14-il post

Georgia v Slovakkja      12.00pm

Semifinali 9-12-il post

Olanda v Rumanija        1.30pm

Ġermanja v Franza         3.00pm

Kwarti tal-finali

Serbja v Ungerija             5.00pm

Kroazja v Montenegro    6.30pm

Italja v Russja                    8.30pm

Spanja v Greċja                 10.00pm