Wara l-istejjer żvelati fl-aħħar jiem mill-ġurnal In-Nazzjon dwar tbagħbis ta’ provi, żewġ messaġġiera se jitpoġġew formalment taħt att ta’ akkuża hekk kif fil-kumplikazzjoni rriżultaw biżżejjed provi biex jibdew proċeduri kriminali.
Iż-żewġ messaġġiera, Joseph Bezzina ta’ 61 sena mill-Belt u Edwin Vassallo ta’ 56 sena mill-Kalkara, wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, huma ġew akkużati li ppruvaw jeqirdu jew jisirqu proċessi tal-Qorti, li bagħbsu provi tal-Qorti u b’serq aggravat, fost akkużi oħra.
L-Ispettur Frank Anthony Tabone xehed li f’April tas-sena l-oħra l-pulizija kienet infurmata li kien hemm tentattiv ta’ serq ta’ proċessi tal-Qorti, u kien hawn li bdiet l-inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech.
L-Assistent Kummissarju Stephen Mallia xehed li impjegati tar-Reġistru tal-Qorti sabu l-proċess li allegatament inħeba f’locker qrib Awla numru 11. Qal li l-pulizija għandha wkoll filmati tal-kameras tas-sigurtà tal-Qorti, li juru kif f’mument naqsu numru ta’ processi minn fuq trolley ħdejn din l-awla.
Fil-kumpilazzjoni xehdu ukoll uffiċjali oħrajn tal-Qorti.
Fi tmiem is-seduta, il-Maġistrat Joe Mifsud ra li hemm biżżejjed provi biex l-Avukat Ġenerali joħroġ l-att ta’ akkuża.
Vassallo u Bezzina kienu assistiti mill-avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Alfred Abela.
Iż-żewġ messaġġiera tal-Qorti li jinsabu sospiżi minn xogħlhom.
//= $special ?>