Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li b’effett immedjat se jkun qed jiftaħ proċeduri l-Qorti wara li l-Avukat Ġenerali Peter Grech irrifjuta li jgħaddi kopja tar-rapport sħiħ tal-inkjesta magħmula minn Aaron Bugeja.
“Wara d-deċiżjoni inspjegabbli u żbilanċjata tal-Avukat Ġenerali li jċaħħad lill-Oppożizzjoni mir-rapport sħiħ tal-inkjesta magħmula mill-Maġistrat Aaron Bugeja, b’mod immedjat se nkun qed niftaħ proċeduri fil-Qorti,” kiteb Adrian Delia f’tweet.
Following AGs inexplicable and biased decision to deprive the opposition from having the full report of the Bugeja’s inquiry I shall be immediately filing court proceedings. #nationalinterest first.
— Adrian Delia (@adriandeliapn) July 25, 2018
It-tweet tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista segwiet stqarrija maħruġa mill-Avukat Ġenerali Peter Grech li fiha qal li ma jqisx li għandu jibdel il-fehma tiegħu dwar il-pubblikazzjoni u l-aċċess għar-rapport tal-inkjesta f’dan l-istadju, jiġifieri, li se jkun qed iċaħħad lill-Oppożizzjoni minn kopja tar-rapport sħiħ.
Sa minn meta ħarġet il-konklużjoni tal-inkjesta – dokument ta’ 50 paġna li sab li l-kumpanija Egrant la hija ta’ mart il-Prim Ministru u lanqas tal-Prim Ministru nnifsu – il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien insista li r-rapport kollu għandu jiġi ppubblikat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni kien saħansitra bagħat ittra lill-Avukat Ġenerali fejn talbu b’mod uffiċjali biex jingħata kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta.
Dan wara li l-Avukat Ġenerali anke kien laqa’ t-talba li saritlu mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex bħala l-persuna li kienet għamlet it-talba biex issir l-inkjesta jkollu kopja tar-rapport. Għalhekk qegħdin f’sitwazzjoni fejn filwaqt li l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista għandu kopja sħiħ tal-atti tal-inkjesta, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia m’għandux kopja sħiħa. Din is-sitwazzjoni toħloq żbilanċ politiku favur il-Gvern, li qed jieħu vantaġġ minnha u qed tpoġġi lill-Oppożizzjoni fi żvantaġġ.
Għal din ir-raġuni, wara li l-Avukat Ġenerali kien parteċipi f’dan l-iżbilanċ, il-Kap tal-Oppożizzjoni se jkun qed imur il-Qorti fejn se jitaħ proċeduri legali biex ma jkunx hemm dan l-iżbilanċ.
//= $special ?>