Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Wieġeb mhux ħati għall-qtil doppju ta’ ommu u ta’ zitu

Każ meqjus delikat ħafna; jakkuża lil ommu li kienet pussessiva

Kevin Micallef ta’ 42 sena mill-Għargħur wieġeb mhux ħati tal-qtil doppju ta’ ommu Antonia Micallef u zitu Maria Carmela Fenech, hekk kif quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli l-akkużat deher kalm waqt li kien liebes karkur, shorts u t-shirt.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Elton Taliana u Kurt Zahra spjegat li kien l-akkużat stess li ċempel lill-Pulizija u ambulanza jgħarrafhom li kien għadu kif qatel lil ommu u zitu b’daqqiet ta’ sikkina. L-akkużat qal lill-Pulizija li qatilhom għaliex fl-aħħar ftit ġimgħat beda jħossu ħażin u beda jissuspetta li zitu u ommu kienu qed jitfgħulu xi sustanzi fil-kafè tiegħu.

Fil-Qorti illum instemgħu kif seħħew il-fatti dakinhar tad-delitt. Allegatament, Kevin Micallef mar fil-kċina jġib sikkina u baqa’ sejjer fil-washroom jagħti daqqiet lil zitu u eżatt wara lil ommu li t-tnejn spiċċaw fl-art f’għadira demm. L-Ispettur qal li l-akkużat qalilhom li kien qed iħoss li ommu kienet qed tkun wisq pussessiva fuqu, speċjalment kull darba li kien jipprova joħroġ ma’ tfajla.

L-Ispetturi qalu li waqt li l-psikjatra Beppe Micallef Trigona kien qed isegwi lill-akkużat fl-aħħar jumejn waqt li kien qed jinżamm Monte Karmeli, il-Qorti ħatret lil Anton Grech bħala espert fl-inkjesta.

Il-Maġistrat Demicoli wara li semgħet l-argumenti tal-prosekuzzjoni u d-difiża, innutat li waqt li diġà hemm nominat il-psikjatra Anton Grech fl-atti tal-inkjesta titlob li d-digriet dwar l-istess talba tingħata fi stadju ulterjuri.

L-avukat tal-għajnuna legali Marta Mifsud iddikjarat li mhux se jkun hemm talba għall-ħelsien mill-arrest iżda talbet li l-imputat jinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli. Il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx u l-Maġistrat rrakkomandat lid-Direttur tal-Ħabs biex jikkunsidra din it-talba.