Futbol Sport

Benjamin Pavard jirbaħ l-isbaħ gowl tat-Tazza tad-Dinja

Il-gowl mill-isbaħ ta’ Benjamin Pavard fir-rebħa ta’ Franza kontra l-Arġentina fir-rawnd tal-aħħar 16, ġie vvutat bħala l-isbaħ gowl tat-Tazza tad-Dinja.

Id-difensur wera teknika mill-isbaħ biex skorja b’xutt għar-rokna ta’ fuq tax-xibka u spiċċa rebaħ il-kompetizzjoni, b’aktar minn tliet miljun persuna jivvutaw fuq is-sit uffiċjali tal-FIFA.

“Anqas kont qed naħseb fuq dan. Jien pruvajt biss naqta’ l-ballun u nżommu baxx. Il-ballun ħabat kif wasal fid-direzzjoni tiegħi. Jien kont qed nipprova nolqot fid-direzzjoni li wasal minnha, xi ħaġa li l-attakkanti dejjem jgħiduli. Meta l-ballun daħal kont kuntent ħafna,” qal Pavard wara l-logħba.

Il-free-kick intelliġenti ta’ Juan Quintero fil-logħba bejn il-Kolombja u l-Ġappun spiċċa fit-tieni post, filwaqt li x-xutt mill-isbaħ ta’ Luka Modric fil-konfront tal-Kroazja kontra l-Arġentina temm fit-tielet post.