Lokali

“Bniedem ġentlom, kariżmatiku, professjonali, well-read, diplomatiku, ħabib, persuna ta’ rispett kbir, u uman”

Wirja b’diversi ritratti u memorabilia differenti marbuta mal-karriera ta’ Guido de Marco

Il-kwalitajiet kbar li kellu l-eks President tar-Repubblika Guido de Marco ġew imfaħħra mill-President Marie Louise Coleiro Preca waqt serata mużiko-letterarja li ġiet organizzata mill-Uffiċċju tal-President ad unur tiegħu.

Coleiro Preca qalet li bħala Maltin u Għawdxin għandna nkunu kburin b’dan l-istatista li għamel tant ġid għal Malta, u li ta tant viżibilità lil Malta f’diversi fora internazzjonali, fil-Ġnus Magħquda, fil-Commonwealth Foundation, u fl-Unjoni Ewropea.

“Dan jagħmlu persuna li ta ġieħ lil pajjiżna – wild Malta li kien denju ta’ pajjiżna. Kien statista u politiku li rriffletta valuri etiċi u rispettabbli fil-politika, u nibqa’ ngħid li persuni bħal Guido de Marco jridu jibqgħu jkunu mudell għall-valuri li jkunu ħaddnu biex mexxew ’il quddiem dak li jemmnu fih u dak li jagħmlu għal pajjiżna”, tenniet il-President Coleiro Preca.

Wara s-serata mużiko-letterarja, li għaliha attendew fost l-oħrajn Violet de Marco u wlied Guido de Marco, u li matulha nqraw siltiet mill-awtobijografija tiegħu, Il-Politika tal-Persważjoni, b’kontribuzzjonijiet ukoll mill-eks Ministru Louis Galea u l-istoriku Joe Pirotta, l-Uffiċċju tal-President organizza wirja b’diversi ritratti u memorabilia differenti marbuta mal-karriera ta’ Guido de Marco.