Erba’ nisa, tnejn minnhom fi stadju avvanzat fit-tqala tagħhom, tressqu l-Qorti akkużati b’diversi reati marbuta ma’ pickpocketing. Iż-żewġ nisa tqal, Genoveva Stoilova ta’ 25 sena u Iliana Ilieva ta’ 23 sena, kienu akkużati li serqu portmoni mimli flus kontanti għad-dannu ta’ mara li kienet f’ħanut tal-ħwejjeġ fil-Belt Valletta. L-inċident seħħ fil-21 ta’ Ġunju li għadda.
L-Avukat tad-Difiża Etienne Calleja ikkontesta l-validita’ tal-arrest u sostna li l-filmati tal-kameras tas-sigurta’ qed juru lill-akkużat jersqu lejn il-vittma imma mkien ma jidhru jwettqu s-serqa. Iż-żewġ nisa diġa’ kienu qed jinżammu fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin fejn qed jappellaw minn sentenza dwar reati simili.
Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
L-Ispettur Priscilla Caruana Lee mexxiet il-Prosekuzzjoni.
Żewġ nisa oħra, Mariyana Borisova ta’ 30 sena u Rusanka Dimitrova Staneva ta’ 43 sena tressqu akkużati bis-serq ta’ kartiera u li użaw il-karti ta’ kreditu li kien hemm fihom fi tmien okkażjonijiet differenti minn meta saret is-serqa f’April li għadda. Dawn iż-żewġ nisa, li wkoll qed jinżammu fil-Ħabs fuq akkużi ta’ reati simili, ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom għalkemm l-Avukat tad-Difiża Shazoo Ghaznavi qal li t-tweġiba għad triq tiġi konfermata.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Priscilla Caruana Lee
//= $special ?>