Lokali

Ġlieda kbira bis-skieken u l-lenbubi f’Bormla; Erba’ midruba

Aktarx il-ġlieda bdiet minn żagħżugħ li kien ilu bit-tikketta ma' membri ta' familja kbira b'laqam magħruf ħafna f'Bormla

Ġlieda bejn grupp kbir ta’ nies f’Bormla bis-skieken u l-lenbubi wasslet biex tal-anqas erba’ persuni kellhom jittieħdu l-isptar Mater Dei jew fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana għall-kura.

Skont il-Pulizija, fl-argument kienu involuti madwar seba’ persuni u l-argument beda f’Misraħ Santa Margerita u kompla fi Triq Erin Seracino Inglott, f’Bormla.

Sorsi li tkellmu ma’ NET News qalulna li l-ġlieda bdiet minn żagħżugħ li kien ilu bit-tikketta ma’ membri ta’ familja kbira b’laqam magħruf ħafna f’Bormla.

Skont l-istess persuni, kien għall-ħabta tad-9.30 ta’ filgħaxija li dan il-ġuvni mar isib lil tnejn minn din il-familja, sabhom għall-għarrieda minn wara u pattihielhom.

Il-Pulizija kienu nfurmati aktar tard bl-argument, għall-ħabta tal-10.30 ta’ billejl, meta l-ġlieda kienet kompliet fi Triq Erin Seracino Inglott.

Peress li l-ġlieda kienet kbira, fuq il-post kellha tmur ambulanza li ħadet żewġt irġiel l-isptar – wieħed ta’ 37 sena u ieħor ta’ 17-il sena. Dawn, flimkien ma’ mara ta’ 43 sena li ttieħdet għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, kienu ċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief. Ġuvni ieħor ta’ 16-il sena li wkoll ittieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana kien ċertifikat li weġġa’ gravi.

Sadanittant, il-Pulizija elevat żewġ skieken u lenbuba li allegatament intużaw waqt dan l-argument filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Id-daqqiet ta’ sikkina f’Bormla ngħataw minn żagħżugħ ta’ 16-il sena; Jingħata l-ħelsien