Sport Sport Ieħor

Gordon Mifsud jinħatar President tal-Hockey Association Malta

Gordon Mifsud inħatar il-President il-ġdid tal-Hockey Association Malta fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali li saret riċentament. Hu se jieħu post Chris Busuttil Leaver li kien ilu jokkupa l-kariga għal dawn l-aħħar 18-il sena.

Mifsud kien plejer tal-hockey fil-passat u għadu jilgħab il-hockey mat-tim tal-veterani. Hu kien ukoll involut fil-kumitat tal-Malta Squash Rackets Association. Mifsud mistenni jġib l-esperjenza tiegħu fit-tmexxija tal-assoċjazzjoni.

Fl-ewwel indirizz tiegħu, Gordon Mifsud spjega l-viżjoni tiegħu li jieħu l-hockey f’fażi ġdida ta’ żvilupp. Hu esprima l-intenzjoni li jimmodernizza l-mod kif dan l-isport jevolvi f’pajjiżna. Mifsud saħaq dwar il-bżonn li jissaħħu l-klabbs preżenti filwaqt li jsir żvilupp fis-settur taż-żgħażagħ u jipprovdi aktar esperjenzi fil-kategoriji kollha.

Hu kompla li jrid jagħti l-importanza meħtieġa lil hockey kemm fuq bażi lokali kif ukoll internazzjonali. “L-isport għandu jgħin biex jiżviluppa diversi ħiliet tal-ħajja u għandu jikkontribwixxi għas-saħħa fiżika u mentali.”

Il-membri l-oħra tal-Kumitat Eżekuttiv huma s-Segretarju Ġenerali David Agius, it-Teżorier Shawn Falzon, Henry Cachia, Gaston Degiovvani u Chris Attard.

Tags